Fl-aħħar ħin saret ħidma biex jinqatgħu s-servizzi tal-elettriku fil-postijiet fejn dalgħodu nstabu jgħixu numru ta’ immigranti b’mod irregolari.
ONE News huwa nfurmat ukoll li l-Pulizija qed tinvestiga lis-sidien tal-postijiet fejn instabu dawn il-persuni.
Dawn l-azzjonijiet qed jittieħdu f’messaġġ ċar li pajjiżna mhux miftuħ għal dawk li ma josservawx il-liġi; inkluż is-sidien Maltin li jippruvaw jagħmlu l-flus minn fuq dawn il-persuni.
Dalgħodu ġew arrestati erbgħin persuna li nstabu li kienu qed jgħixu Malta mingħajr id-dokumenti neċessarji u nbeda l-proċess biex jitilqu minn Malta.
Fuq Facebook, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Byron Camilleri kiteb kif b’dan il-mod, l-awtoritajiet qed jiġġieldu l-immigrazzjoni irregolari bi strateġija mibnija fuq il-prevenzjoni, ir-ritorn u r-rilokazzjoni.