Il-Unjin għall-Infermiera u l-Qwiebel, l-MUMN, issospendiet id-direttivi tagħha li kienu qed jaffettwaw it-tilqima tal-influwenza li bdiet tingħata fiċ-ċentri tas-saħħa tul il-jum tal-Ħadd.
Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, li fuq twitter kiteb li rebaħ is-sens komun.Fl-ewwel jum li bdiet tingħata t-tilqima tal-influwenza lil faxex ta’ nies meqjusa vulnerabbli, tlaqqmu elf persuna.
Tul it-tliet ġimgħat li ġejjin, it-tilqima tal-influwenza se tingħata lil persuni li għandhom aktar minn ħamsa u ħamsin sena, tfal minn sitt xhur sa ħames snin, persuni b’mard kroniku u lil dawk fuq quddiem nett fil-ġlieda fl-imxija.
Imbagħad, mill-ewwel ta’ Novembru, it-tilqima se tingħata bla ħlas lill-poplu kollu.
Fid-dawl li din hija l-ewwel xitwa f’pajjiżna li minbarra l-influwenza, irridu nikkumbattu wkoll il-COVID-19, l-appell hu biex kulħadd jitlaqqam kontra l-influwenza.
Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li minkejja li l-aktar f’riskju huma l-persuni vulnerabbli, jekk persuna f’saħħitha jaqbduha l-Coronavirus u l-influwenza f’daqqa, jista’ jkollha konsegwenzi serji.
Innota wkoll li madwar id-dinja, ħafna nies mhux jikkoperaw mal-miżuri li qed jittieħdu biex jikkontrollaw it-tixrid tal-imxija, f’dik li qed tissejjaħ bħala pandemic fatigue.
Spjega “Jiena nifhem li kieku din hija sitwazzjoni li ħa ttul xi għaxar snin, nifhem li dak li jkun jgħid mhux se nagħmel għaxar snin, taqbad u taqbadni u tgħaddi. Però jiena għandi fiduċja u s-sitwazzjoni u l-informazzjoni li għandna hekk qed tindika, li l-vaċċin għall-Coronavirus hemm possibilità qawwija li jasal. Jasal fix-xhur li ġejjin u li anki b’arranġament li rnexxielna nagħmlu aħna, Malta se tkun l-ewwel pajjiż li ħa tieħdu l-vaċċin biex inkunu nistgħu nibdew inlaqqmu ħafna nies.”
Huwa appella għall-koperazzjoni mingħand kulħadd biex noħorġu minn din is-sitwazzjoni diffiċli kemm jista’ jkun malajr.
Spjega kif “Mhix qed nitolbu snin ta’ sforzi imma issa ġej il-Milied, nagħmlu l-aħħar sforz biex kif fil-bidu tas-sena d-dieħla, jekk Alla jrid, jekk kollox imur kif huwa ppjanat, il-vaċċin ikun available, inkunu nistgħu nibdew inlaqqmu n-nies u ngħaddi minn din is-sitwazzjoni.”