Il-Korp tal-Pulizija kkonferma li ssospenda lis-Surġent Glenn Carabott li bħalissa qed jiġi akkużat quddiem il-Qorti li stupra tfajla.
Irrappurtat dan il-gazzetta The Malta Independent hekk kif spjegat li l-Korp tal-Pulizija ssospendiet lil Carabott fid-dawl tal-proċeduri kriminali kontrih.
Il-Ħamis waranofsinhar Carabott ta’ 40 sena mill-Imtarfa, ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest mill-Maġistrat Gabriella Vella.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi John Spiteri u Michael Vella spjegat kif fil-lejl bejn is-16 u s-17 ta’ April, tfajla għamlet rapport lill-Pulizija minħabba serqa fid-dar tagħha.
Il-Prosekuzzjoni kompliet tispjega li allegatament, l-akkużat stupra lit-tfajla meta mar biex jinvestiga l-każ.
Intqal ukoll li huwa ġibed filmat tal-allegat stupru.
Il-Prosekuzzjoni qalet ukoll li r-rapport tas-serqa ma daħalx fl-għassa tal-pulizija.
Carabott ilu jagħti s-servizz fil-korp tal-Pulizija għal dawn l-aħħar 18-il sena u kien stazzjonat fl-Għassa tal-Qawra.
Intqal ukoll li nfetħet Inkjesta Maġisterjali dwar dan il-każ.