L-Aġenziji Komunità Malta u Residenza Malta ssospendew l-ipproċessar t’applikazzjonijiet ta’ ċittadini Russi u mill-Belarus fil-programm ta’ residenza li bih eventwalment tista’ tikseb iċ-ċittadinanza Maltija.
Fi stqarrijas-Segretarjat Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet spjega li l-aġenziji inkwistjoni qed isegwu mill-qrib is-sitwazzjoni fl-Ukrajna, ir-Russja u l-Belarus.
Intqal li minn analiżi li saret ma hemm l-ebda ċittadin Russu jew mill-Belarus li qiegħed fuq il-lista tas-sanzjonijiet u ngħata ċittadinanza mill-programm ta’ residenza b’investiment.
Ġie spjegat li l-istess jista’ jingħad għall-applikazzjonijiet li qed jiġu pproċessati hekk kif ma hemmx persuni li huma sanzjonati.
Il-Gvern qal li l-Aġenziji jibqgħu jagħmlu due diligence fuq applikazzjonijiet li jidħlu.
Hawnhekk ġie rimarkat li jekk persuni oħra jiġu sanzjonati u jkunu qed igawdu mill-programm ta’ Malta, l-istatus mogħti jiġi revokat bil-liġi.