Fir-Ramla l-Ħamra ġie sospiż il-proċess ta’ tindif tar-ramel li kien ippjanat li jsir din il-ġimgħa. Dan kien ħa jsir għall-ewwel darba biex ir-ramel jingħadda minn għarbiel minn materjal bħal-loqom tas-sigaretti u l-plastik. Dan minħabba il-bejta ta’ bajd li mistennija jfaqqsu f’Lulju wara li fekruna telgħet tbid fil-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt li għadda.
Din il-fekruna kienet l-ewwel waħda f’sebgħin sena li biedet f’bajja f’Għawdex. F’dan is-sit bħalissa hemm sorveljanza lejl u nhar fuq il-post fejn għamlet il-bejta il-fekruna.
Waqt żjara li għamel flimkien mal-Ministru tal-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima, Aaron Farrugia, il-Ministru għall-Għawdex, Clint Camilleri rringrazzja lill-Awtorità għall-Ambjent u lill-għaqda mhux governattiva Nature Trust li ħadu azzjoni immedjata fuq din is-sitwazzjoni.
Min-naħa tiegħu l-Ministru Aaron Farrugia ħabbar li se tkun qed tingħata protezzjoni diretta permezz ta’ ordni ta’ emerġenza għall-konservazzjoni sabiex ikun assigurat li l-bejta ma tkunx fil-periklu.