Fi stqarrija l-kumpanija Gozo Channel ħabbret li nhar il-Milied u l-Ewwel tas-Sena, l-Gozo Channel ser tkun qed tissospendi s-servizz taghha bejn il-11:35 u t-3:00 ta’ waranofsinhar. Is-servizz ser ikun sospiż sabiex l-impjegati tal-kumpanija li jkunu xogħol f’dawn il-ġranet, ikunu jistgħu jieklu mal-familji u l-ħbieb taghhom.
Fil-jumejn imsemmija, l-vjaġġi ta’ 11:35, 12:00, 12:45, 13:00, 13:30, 14:00 u 14:30 mill-Imġarr għaċ-Ċirkewwa u l-vjaġġi tal-12:15, 12:45 13:30, 13:45, 14:15, 14:45 u 15:15 miċ-Ċirkewwa mhumiex ser isiru. Dan ifisser li l-aħħar vjaġġ mill-Imġarr ikun fil-11.15, filwaqt li l-aħħar vjaġġ miċ-Ċirkewwa huwa skedat għal 12:00. Waranofsinhar, is-servizz jerġa’ jibda fit-3:00 mill-Imġarr għaċ-Ċirkewwa, filwaqt li l-ewwel vjaġġ miċ-Ċirkewwa għall-Imġarr ikun dak tal-3:45 nieqes kwart.
Il-Bord tad-Diretturi tal-Gozo Channel esprima l-apprezzament tiegħu lejn il-ħaddiema tal-kumpanija li huma obbligati jaħdmu shifts twal u xi drabi f’kundizzjonijiet ta’ temp diffiċli. Il-kumpanija tieħu wkoll l-opportunità li tirringrazzjahom għall-isforzi li jagħmlu u x-xogħol eċċellenti sabiex jipprovdu servizz kostanti lill-passiġġiera.