Id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwaltura bl-għajnuna tal-Forzi Armati ta’ Malta qed jagħmel sorveljanza kemm fil-qasam territorjal u fl-ibħra internazzjonali bħala parti mill-pjanijiet ta’ kontrolli tas-sajd li Malta timplimenta.
Fi stqarrija mill-Ministeru għas-Sajd intqal kif l-operazzjonijiet ta’ sorveljanza u l-moniteraġġ għas-sajd tal-lampuki jitwettqu skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran li turi kif huwa illegali li bastimenti Tuneżini jistadu fuq kannizzati sorġuti minn bastimenti Maltin u viċi versa.
Dawn is-sorveljanzi qed isiru sabiex jipprovdu l-assistenza possibbli u jiġbru l-evidenza meħtieġa biex ikunu f’pożizzjoni li jippreżentaw l-affarijiet fil-fora relevanti. Dan filwaqt li s-sajjieda ġew mitluba jirrappurtaw u jipprovdu l-evidenza kollha permezz ta’ filmati, ritratti u pożizzjonijiet ġeografiċi eżatti rigward ksur tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran.
Ritratt: MT