Bħala proċedura, Infrastruttura Malta tispezzjona l-kwalità tat-toroq wara t-tlestija fix-xogħlijiet tagħhom.
Dan spjegah l-inġinier Fredrick Azzopardi, Kap Eżekuttiv ta’ Infrastruttura Malta, fejn qal li l-ispezzjoni ssir sabiex jiġi determinat li x-xogħol sar skont dak mitlub.
“Aħna bħala proċedura ta’ meta jkunu saru t-toroq, aħna imbagħad wara nagħmlu t-testijiet biex naraw il-kwalità tat-triq u l-kwalità tal-materjal li ntuża. Wara li jkunu saru dawn it-testijiet niddeterminaw hekk ix-xogħol sarx skont dak li tlabna jew le”.
Minkejja li ħafna mill-kuntratturi qed jagħmlu x-xogħol skont kif mitlub, Infrastruttura Malta xorta ssib istanzi fejn ix-xogħol ma jkunx sar tajjeb.
Hawnhekk, Azzopardi kkonferma dak li qal il-Ministru responsabbli mit-Trasport, Ian Borg fil-Parlament:
“Sfortunatament iva jkollna toroq li jkollhom jerġgħu jinqalgħu. Fost dawn isemmiet waħda fil-Parlament, dik tal-bypass tal-Mellieħa, għandna triq oħra l-Furjana li x-xogħol sar jew beda, u għandna triq oħra f’Raħal Ġdid”.
L-Inġinier Azzoppardi temm jgħid kif Infrastruttura Malta qed taħdem ukoll sabiex l-ispesifikazzjonijiet tagħha dejjem jiġu aġġornati biex iżommu maż-żminijiet tal-lum:
“Il-proċess ta’ kwalità u sorveljar fuq il-kwaltà huwa wieħed kontinwu, u aħna mhux biss nissorveljaw iżda naġġornaw l-ispeċifikazzjonijiet sabiex jimxu maż-żmienijiet tal-lum”.