Waqt li l-Ħamis tittieħed id-deċiżjoni formali biex il-Presidenza li jmiss tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa, l-OSCE, mill-1 ta’ Jannar li ġej tkun f’idejn pajjiżna, kompliet tinxtered il-fiduċja u r-rispett li ngawdu fl-isfera internazzjonali.
Is-sebgħa u ħamsin pajjiż membru f’din l-akbar organizzazzjoni reġjonali fid-dinja se jkunu qed jiltaqgħu fil-kapitali tal-Maċedonja ta’ Fuq, il-pajjiż li attwalment għandu l-Presidenza tal-OSCE.
Sorsi minn ħdan l-istess OSCE ġew ikkwotati fil-midja internazzjonali li Malta tgawdi l-aqwa reputazzjoni internazzjonali, kif diġà ntwera bir-riżoluzzjoni dwar Gaza fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda, u allura jagħmilha kandidata ideali għat-tmexxija tal-organizzazzjoni, li għandha l-bażi tagħha fi Vjenna, l-Awstrija.
Id-deċiżjoni mill-Ministri għall-Affarijiet Barranin fl-OSCE se ssir wara li, nhar it-Tnejn, il-Kunsill Permanenti tal-istess organizzazzjoni fi Vjenna rrakkomada b’mod unanimu li pajjiżna jkollu din il-Presidenza.
L-istess sorsi tal-OSCE innotaw il-messaġġ konsistenti li pajjiżna jgħaddi favur il-paċi internazzjonali kemm dwar il-Gwerra fl-Ukrajna kif ukoll dik issa fil-Lvant Nofsani, biex spiċċat tgawdi rispett qawwi. Saret referenza wkoll għall-ħidma li saret minn pajjiżna f’Ottubru li għadda, bosta pajjiżi nġabru fostna bħala parti mill-Ukraine Peace Formula.
Malta ntagħżlet fuq il-bażi tal-fiduċja, wara li r-Russja wkoll oġġezzjonat biex l-Estonja jkollha l-pożizzjoni prestiġġjuża tal-Presidenza.
Għal din il-laqgħa fil-Maċedonja ta’ Fuq, f’isem Malta, se jkun hemm preżenti l-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Ian Borg, li wara d-deċiżjoni formali jsir iċ-Chairperson-in-Office tal-OSCE.
F’kummenti mal-ġurnalisti f’Berlin, waqt il-laqgħa bilaterali li kellu mal-Kanċillier Olaf Scholz, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li din il-pożizzjoni prestiġġjuża li mistenni jokkupa pajjiżna tixhed il-fiduċja li qed ngawdu fil-fora internazzjonali.
Skont il-midja internazzjonali, jirriżulta li fil-Maċedonja ta’ Fuq se jkun preżenti wkoll għal-laqgħa importanti l-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin, Sergei Lavrov, fl-ewwel żjara tiegħu f’pajjiż tal-NATO sa mill-bidu tal-invażjoni Russa fl-Ukrajna fi Frar tas-sena l-oħra.
B’reazzjoni għal dan, l-Ukrajna u l-pajjiżi Baltiċi qalu li, kemm-il darba dan iseħħ, allura se jkunu qed jibbojkottjaw il-laqgħa.