“L-inkwiet pubbliku fil-Partit Nazzjonalista ma hu xejn ħdejn l-inkwiet li tassew hemm fid-Dar Ċentrali u fost ċerti kumitati sezzjonali.”
Din kienet id-dikjarazzjoni ewlenija ta’ sorsi qrib il-Grupp Parlamentari Nazzjonalista mal-gazzetta Kullħadd fl-isfond ta’ ġlied kontinwu bejn il-fazzjonijiet fil-Partit Nazzjonalista fl-aħħar jiem.
F’artiklu l-istess gazzetta kompliet tiżvela kif l-aħħar attakk fuq l-eks Kap Adrian Delia ma niżel xejn tajjeb ma’ ħafna li jaħdmu fi ħdan il-Partit Nazzjonalista fosthom il-ħaddiema tal-Media Link.
Sorsi mill-kamra tal-aħbarijiet ta’ NET Television, sostnew li qabel xejn hu kbir is-suspett li wara l-istorja li bdiet l-attakk fuq Delia x’aktarx hemm Deputat Nazzjonalista.
“Aħna li qegħdin fil-mistier nafu min ikellem lil min kontinwament u min jiġri wara min. Nafuhom it-tricks u l-kuntatti,” qal sors waqt li żied jgħid li kulħadd jaf min għandu ċertu tagħrif u kif kontinwament kien ippostjat f’mezzi tax-xandir differenti skont il-ħtieġa.
Fil-fatt, ir-rabja fid-Dar Ċentrali hija wkoll għall-fatt li l-allegazzjoni li Adrian Delia kien f’kuntatt ma’ Yorgen Fenech waqt dibattitu parlamentari dwar il-kumpanija 17 Black, ġiet żvelata mill-Lovin Malta.
“Tagħti tort lil min fil-Partit qed jaħseb li dan kollu ġie kkordinat mid-Dar Ċentrali? B’li rajna fl-aħħar snin il-kumbinazzjonijiet ma tantx nemmnu fihom,” qal sors ieħor f’kumitat sezzjonali tat-Tmien Distrett mal-gazzetta wara li l-attakk fuq Delia nibet minn artiklu fis-sit elettroniku li ħoloq l-istess Christian Peregin.
Dan minkejja li Peregin nnifsu ma’ ġurnalist ta’ ONE News ċaħad l-involviment tiegħu f’dan il-każ.
Aktar sorsi mal-gazzetta spjegaw kif l-attakk fuq Delia nibet ukoll mill-biża’ tal-establishment li Delia nnifsu jegħleb lill-Beppe Fenech Adami fuq it-tmien distrett fl-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Dan l-inkwiet kollu fid-Dar Ċentrali jsegwi dikjarazzjoni ta’ Bernard Grech ftit tal-ġimgħat ilu li mhux lest iħalli iktar jiġru sitwazzjonijiet ta’ dan it-tip. Iżda, jidher li għal darb’oħra reġa’ ma ta kasu ħadd.
Fost dawn tal-aħħar kien hemm Therese Comodini Cachia, Deputata Nazzjonalista, li ħarġet tattakka d-deċiżjoni ta’ Adrian Delia li jagħmel libell. Anke l-kelliem ta’ Bernard Grech, Peter Agius, kiteb biex b’mod fin iċanfar lil dawk li qabżu għal Delia.
Dan qal li l-membri tal-partit m’għandhomx jibagħtu messaġġi konfużi, l-għada li kienu attakkati stqarrijiet ta’ Repubblika.