Sors anonimu, iżda ta’ min joqgħod fuqu, qal lill-Pulizija bl-argument bejn żewġ gruppi li eskala għall-qtil ta’ Joseff Rivas f’ San Ġiljan nhar il-5 ta’ Diċembru li għadda.
Il-gruppi kienu allegatament involuti fil-prostituzzjoni. Fil-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Nadine Lia, intqal kif dan is-sors kien lest jagħti l-informazzjoni ladarba jibqa’ anonimu. It-tliet irġiel Rumeni, Ilie Constantin u l-kuġini tiegħu, Ionut Iulian Tanase u Dan-Andrei Tanase, qed iwieġbu li mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.
Surġent li kien qiegħed jaqdi dmiru dakinhar tal-omiċidju, qal li ienet telefonata għall-ħabta tat-3:35, li infurmathom li raġel qala’ daqqa ta’ sikkina fi Triq Ross, kantuniera ma’ Triq San Ġorġ. Il-Pulizija sabu raġel bilqiegħda fuq l-għatba ta’ ħanut tal-pastizzi bid-demm ħiereġ minn għonqu u xi nies madwaru.
Huwa kellu wkoll xi ġrieħi f’dahru u ma setax jitkellem. Intqal li huwa kien taħt xokk u xħin ipprova jqum bilwieqfa, waqa’. Huwa minnufih ittieħed l-Isptar permezz ta’ ambulanza. Ir-raġel li kien xogħol fil-ħanut tal-pastizzi rrakkonta kif grupp barranin kienu bilqiegħda fuq mejda barra u wieħed minnhom daħal fil-ħanut biex jixtri. Hu qal li l-ġlieda bdiet hekk kif ir-raġel ħareġ barra, permezz ta’ tabella tar-riklam u banketta.
Ix-xhud anonimu qal li l-akkużat kien qiegħed fuq barra meta ġie avviċinat minn grupp ieħor. Kompla jgħid li l-argument eskala fi ġlieda bis-skieken, li waħda minnhom kien fiha mill-inqas 20 ċentimetru. L-Avukat Difensur argumenta li l-evidenza tax-xhud anonimu hija biss xnieha, ladarba s-sors ma xehedx fil-Qorti. Uffiċjal ieħor xehed kif xi ħadd fuq il-post tah mobile, allegatament tal-vittma.
Id-Difiża appellat lill-Prosekuzzjoni sabiex tressaq ix-xhieda fiż-żmien qrib. Il-każ huwa mistenni li jkompli f’Marzu. Għall-akkużati qed jidhru l-avukati Arthur Azzopardi, Jacob Magri, Franco Debono, Marion Camilleri, u Charmaine Cherret.