Nhar il-Ħadd tiġi ċċelebrata Jum l-Omm, u l-bank HSBC għamel sorpriża lill-ommijiet li jaħdmu mal-bank.
Matul ix-xahar ta’ April, il-bank qassam fuljetti lil dawk il-kollegi li huma ommijiet biex jieħduhom magħhom id-dar u jagħtuhom lit-tfal tagħhom biex jimlewhom.
Il-mistoqsijiet f’dawn il-fuljetti kienu ħfief u inkludew mistoqsijiet bħal “għalfejn iħobbu lil ommhom?” u “x’jixtiequ li jixtru lil ommhom għal Jum l-Omm?”
L-ommijiet kollha li sottomettew dan il-fuljett ingħataw tifkira li fuqha kien hemm kliem it-tfal kollha mħabba, u f’xi każijiet anki umoristiċi.
Barra minn hekk, ittellgħu xi risposti mill-mijiet li waslu lura biex jingħataw sorpriza ikbar. Għal dawn l-ommijiet, il-bank organizza biex it-tfal u l-missirijiet jżuru lill-ommijiet waqt li kienu x-xogħol u jagħtuhom sorpriza sabiħa bir-rigali li kitbu fuq il-fuljetti.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ HSBC Bank, Andrew Beane qal:
“Fl-HSBC għandna x-xorti li naħdmu ma’ kollegi meraviljużi u, peress li ninsabu qrib Jum l-Omm, xtaqna niċċelebraw il-kontribut li l-ommijiet jagħtu kemm waqt ix-xogħol u anki d-dar. L-għan ta’ dal-vidjow hu li nirringrazzjaw lill-ommijiet kollha li jaħdmu magħna.”