Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ġarrab umiljazzjoni kbira wara li mar lura minn kelmtu meta sejjaħ għas-sospensjoni tal-eks kap tal-partit Nazzjonalista Simon Busuttil. Sostna dan l-editorjal tal-gazzetta Malta Today li żied jargumenta li huwa sorprendenti kif Busuttil għadu jirreżisti milli jerfa’ r-responsabbiltà għall-iżball diżastruż li wettaq meta, b’mod konxju jew mhux, ħalla lilu nnifsu jintuża minn dawk li riedu jeqirdu għalkollox lil Joseph Muscat u jkissru l-proċess demokratiku ta’ pajjiżna.
L-Editorjal jitkellem dwar il-pożizzjoni dgħajfa li jinsab fiha Delia u kif spiċċa mar lura mid-deċiżjoni wara li saħaq li mhux se jirtira s-sejħa li għamel biex Busuttil jissospendi lilu nnifsu mill-partit.
“Kienet umiljazzjoni għal Delia u rebħa żgħira għal fazzjoni ta’ Busuttil… izda fl-aħħar mill-aħħar kienet telfa kbira għall-partit nazzjonalista li jrid ikompli miexi b’nofs id-deputati tiegħu b’ribelljoni fil-miftuħ”.
Sostna li għalkemm Delia neħħa lil Busuttil minn Kelliem għall-Governanza Tajba, jibqa’ l-fatt li l-kriżi għadha hemm. Jekk xejn, issa hija fil-miftuħ, għax Delia jaf li ma jistax jeħles minn Busuttil. Qal li l-fatt li Busuttil se jibqa’ fil-Partit, ifisser li qatt ma jista’ jeħles mill-kwistjoni Egrant.
Sostna li dan kollu jħalli lil Delia f’qagħda xejn feliċi li jrid jipprova jieħu l-kontroll tal-partit wara l-illużjoni tas-suppost għaqda fil-partit.
Tal-istess fehma kien l-editorjal ta’ The Malta Independent li sostna li l-kwistjoni bejn Delia u Busuttil mhux talli ġiet riżolta, iżda kompliet tikber.
Qal li t-triq onorabbli għal Bustuill kienet li jitlaq mill-Partit u jirriżenja mill-Parlament wara d-diżastru tal-aħħar elezzjoni. Żied jingħad li fl-Istamperija qed jingħad li ħadd bejn Busuttil u Delia ma jgawdi l-appoġġ, u li bosta deputati qed isostnu li t-tnejn li huma għandhom iwarrbu mill-Partit u tissejjaħ elezzjoni għall-ħatra ta’ Kap ġdid.