Uffiċjali tad-Dwana interċettaw €165,548 fi flus mhux iddikjarati wara suspett li tqanqal mill-kelba Sophie.
Il-flus instabu fuq passiġġier Somali li kien ser jivvjaġġa lejn it-Turkija.
Il-passiġġier kien skortat lejn uffiċċju fi ħdan l-ajruport għal aktar spezzjonijiet fejn ir-raġel qal li kien qed iġorr bejn wieħed u ieħor 1,600 dollaru.
Madankollu waqt tfittxija wasslet għall-iskoperta ta’ €10,000. Dan filwaqt li tfittxija fil-bagalja tiegħu wasslet biex ġew elevati €155,000.
Il-passiġġier ġie arrestat filwaqt li l-investigazzjonijiet dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.
Dan il-każ ma kienx wieħed iżolat għall-uffiċjali tad-Dwana waqt tmiem il-ġimgħa ta’ Santa Marija wara l-klieb tad-Dwana rreaġixxew fil-pożittiv għal żewġ bagalji.
Marokkin u Eġizzjan kienu qed iġorru €11,055 u €15,000 rispettivament fi flus mhux dikjarati.
Dan filwaqt li waqt rondi f’diversi lokalitajiet madwar Malta wasslu għall-qbid ta’ 10 kilogrammi ta’ tabakk flimkien ma’ sigaretti tal-kuntrabandu, alkoħol u diversi kontejners ta’ żejt fost oħrajn minn tmien stabbilimenti differenti.