Qed tkompli tiħrax il-kitika għall-manuvri biex il-Kap tal-Uffiċċju tal-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, jitpoġġa fl-ogħla kariga amministrattiva tal-Parlament – dik ta’ Segretarju Ġenerali – f’dak li qed jiġi deskritt bħala eżerċizzju ta’ “nepotiżmu sfaċċat”. Mal-kritiċi l-aktar voċiferi żdiedet id-deputat parlamentari Sophie in ‘t Veld, magħrufa li hija qrib Metsola, iżda li ddikjarat li tinsab ixxukkjata u allarmata.
Qed tkompli tikber il-kontroversja dwar il-ftehim li sar wara bibien magħluqa mill-Partit Popolari Ewropew ma’ żewġ gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew sabiex dawn jippermettu li tgħaddi tal-President tal-Partit Popolari Ewropew, Manfred Weber, u tal-President tal-istess Parlament, Roberta Metsola, u ċ-Chief of Staff ta’ Metsola jiġi installat bħala s-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew. Iż-żewġ gruppi parlamentari huma r-Renew Europe u l-grupp tax-Xellug.
Il-kariga ta’ Segretarju Ġenerali hija l-aktar waħda amminisrattivament importanti u b’saħħitha fil-Parlament Ewropew. Bħalissa, din il-kariga hija okkupata mill-Ġermaniż Klaus Welle li, iżda, se jħalli postu fl-ewwel ta’ Jannar li ġej.
Iċ-Chief of Staff ta’ Robert Metsola, it-Taljan Alessandro Chiocchetti, kien l-assistent ta’ Marcello Dell’Utri, li kien politiku Taljan u l-id il-leminija ta’ Silvio Berlusconi u li nstab ħati u ntbagħat seba’ snin ħabs minħabba rabtiet mal-mafja ta’ Sqallija. Lil Chioccetti qed issirlu ritika qawwija li mhux ikkwalifikat għall-irwol ta’ Segretarju Ġenerali.
Il-ftehim li ntlaħaq wara bibien magħluqa huwa intiż biex, mix-xejn, fil-Parlament Ewropew jinħolqu pożizzjonijiet amministrattivi ġodda għoljin b’pagi ta’ eluf kbar ta’ ewro fix-xahar. Dan se jippermetti biex, imbagħad, il-grupp Renew Europe u l-grupp tax-Xellug fil-Parlament Ewropew, bi tpattija, jgħinu lill-Partit Popolari Ewropew bil-voti tagħhom sabiex il-Kap tal-uffiċċju ta’ Roberta Metsola jingħata l-aktar kariga b’saħħitha fil-Parlament Ewropew.
Madankollu, iktar ma jgħaddu l-jiem, aktar qed jiżdied l-għadab kontra dawn il-manuvri, mhux biss fil-Parlament Ewropew innifsu imma wkoll fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li huwa l-istituzzjoni li tirrappreżenta l-interessi tal-Istati membri tal-Unjoni Ewropea.
Il-ġurnal awtorevoli POLITICO rrapporta li l-Istati membri tal-Unjoni Ewropea xejn m’huma ferħanin b’kif Roberta Metsola u rjus għoljin oħrajn fil-Parlament Ewropew lesti jberbqu tant flejjes biex jiżguraw li din il-pożizzjoni jeħodha l-Kap tal-Uffiċċju ta’ Metsola.
Diplomatiċi minn diversi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea esprimew l-għadab tagħhom għal dak li qed jiġri. Dawn qed jgħidu li l-mexxejja tal-Parlament Ewropew qabżu l-linja u qed jargumentaw li, almenu, jekk iridu bilfors ipoġġu lil xi ħadd tal-qalba fil-pożizzjoni, għandhom għall-inqas jaraw li min jitpoġġa jkun ikkwalifikat.
Il-POLITICO jikkwota diplomatiku li rrimarka li l-Parlament għandu baġit annwali ta’ aktar minn żewġ biljun ewro u li kulma jridu dawn il-mexxejja tal-Parlament Ewropew huwa aktar flus biex jużawhom għall-finijiet politiċi tagħhom. Huwa qal li l-Istati Membri tal-Unjoni ilhom mhux ħażin imdejqin bn-nuqqas ta’ sens ta’ responsabbiltà, u li l-każ ta’ nepotiżmu mal-Kap tal-Uffiċċju ta’ Roberta Metsola jista’ jkun dak li jwassal biex l-affarijiet jikkrollaw.
Din il-kritika kollha lejn it-tmexxija tal-Parlament Ewropew qed issir ftit qabel ma, nhar l-Erbgħa, jittieħed vot kruċjali mill-ambaxxaturi tal-Unjoni Ewropea dwar il-Baġit tal-Unjoni. Il-ġurnal POLITICO qal li għandu informazzjoni li 18-il pajjiż qed jaħsbuha biex jopponu l-Baġit tal-Parlament Ewropew għas-sena d-dieħla. Il-Parlament qed jitlob żieda kbira fil-Baġit tiegħu għall-2023, iżda filwaqt li l-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill Ewropew jinsabu taħt prerssjoni kbira biex inaqqsu l-ispejjeż relatati mal-istaff, issa qed joħroġ fil-beraħ li l-Parlament Ewropew se jonfoq dawn il-flejjes żejda biex joħloq karigi ġodda – li ħafna mhux jifhmu l-bżonn tagħhom – biex jiġu kkuntantati żewġ gruppi politiċi sabiex jgħinu lill-Partit Popolari Ewropew ipoġġi lill-Kap tal-Uffiċċju ta’ Roberta Metsola bħala Segretarju Ġenerali.
Il-pressjoni qed tikber ukoll saħansitra fi ħdan il-grupp parlamentari Renew Europe, li huwa parti mill-ftehim li sar wara bibien magħluqa. Fost l-aktar voċiferi f’dan il-Grupp hemm l-Ewroparlamentari Olandiża Sophie in ‘t Veld, li hija magħrufa li hija qrib ħafna ta’ Metsola.
Sophie in ‘t Veld kitbet lill-kollegi tagħha tal-grupp parlamentari Renew Europe u qaltilhom li tinsab ixxukkjata u allarmata bil-pjanijiet biex il-kap tal-Uffiċċju ta’ Roberta Metsola jinħatar Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew. Hija sejħet dawn l-intriċċi bħala “jobs carousel” u qalet li ma tistax tifhem kif il-Parlament jista’ jibbenfika minn ftehim biex kariga mill-aktar għolja tingħata lil kandidat tal-Partit Popolari Ewropew li assolutament mhux tajjeb għaliha; ftehim li, fi kliemha, iħammeġ ir-reputazzjoni tal-Parlament.
L-Ewroparlamentari Sophie in ‘t Veld qalet lill-kollegi tal-partit politiku tagħha li l-ħolqien ta’ direttorat ġenerali ġdid fjamant fil-Parlament imur kontra s-sens komun. Hija staqsiet jekk, kemm-il darba l-Parlament Ewropew jikseb aktar fondi fil-Baġit, dawk il-flejjes għandhomx jntużaw biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-Parlament biex jagħti r-riżultati minflok biex jinħolqu aktar karigi għoljin. Hija qalet li ma tafx kif se tispjega dawn l-affarijiet lil-kostitwenti tagħha, partikolarment f’dan iż-żmien ta’ kriżi.
Il-ġimgħa l-oħra, il-Parlament Ewropew ippubblika avviż dwar il-pożizzjoni ta’ Segretarju Ġenerali u ta biss sal-1 ta’ Awwissu biex wieħed japplika. Minħabba li beda l-perjodu tas-sajf, meta l-magna amministrattiva fi Brussell prattikament tieqaf, dan kompla xegħel ix-xnigħat li l-persuna li se tokkupa dik il-kariga ntgħażlet diġà.