Waqt l-intervista l-Ħadd filgħodu fuq ONE, il-Prim Ministru Robert Abela stqarr li l-maġġoranza tal-ġenituri Maltin iridu li jingħataw l-opportunità li jibagħtu lit-tfal l-iskola. Dan joħroġ minn sondaġġ li sar mal-ġenituri u li l-Prim Ministru stess stqarr li m’għandu l-ebda problema li jippubblikah.
Il-Prim Ministru stqarr: “Aħna għamilna survey ukoll intern illi jurik li l-maġġoranza assoluta tal-ġenituri huma favur illi t-tfal imorru lura lejn l-iskola.”
Il-Prim Ministru qal li huwa jemmen fl-għażla biex il-ġenituri ma jkollhomx jibagħtu t-tfal l-iskola bilfors iżda stqarr li huwa importanti li jinħolqu sistemi oħrajn li jiggarantixxu li l-ebda tfal ma jitħallew mingħajr edukazzjoni.
Dr Abela spjega kif is-sitwazzjoni llum hija differenti minn dik f’Marzu, hekk kif f’Marzu l-pandemija ħasdet lid-dinja u ħadd ma kellu esperjenza ta’ kif jikkontrollaha. Illum il-pajjiż għandu ċertu esperjenza u huwa preparat. Stqarr li llum il-Gvern irid jagħti każ is-saħħa, l-għixien u l-progress soċjali u edukattiv.
Robert Abela qal li huwa kruċjali li jkollna l-ftuħ tal-iskejjel u jemmen fil-preżenza fiżika tat-tfal fil-klassijiet.
Meta mistoqsi dwar is-sitwazzjoni preżenti fil-faċilità korrettiva ta’ Kordin, il-Prim Ministru spjega kif bħalissa hemm serenità u rrakkonta kif dan rah hu stess fi żjarat li għamel fil-ħabs. Innota wkoll kif ġiet indirizzata l-problema tal-indafa u l-vjolenza fil-ħabs.
Stqarr li għad hemm affarijiet x’isiru però saru passi ta’ ġgant, u rrakkonta esperjenza li tixhed dan: “Tkellimt ma’ familja minn Ħal Qormi illi sa qabel kien hemm Alex Dalli mmexxi l-faċilità korrettiva ta’ Kordin, kien ikollhom in-nies imorru jħabbtulhom il-bieb f’Ħal Qormi u jitolbuhom il-ħlas għad-droga sintetika li tkun ġiet mibjugħa lill-familjari tagħhom ġewwa l-ħabs.”
Fuq l-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia il-Prim Ministru stqarr li fost it-termini maqbula mal-familja Caruana Galizia, l-inkjesta kellha tingħalaq f’disa’ xhur. Spjega kif l-imħallfin talbuh biex din tiġi estiża sa Diċembru u dan huwa qabel miegħu. Madankollu, qal li din ser tkun l-unika estensjoni hekk kif il-Gvern ta r-riżorsi kollha tiegħu biex issir din l-inkjesta.
Il-Prim Ministru Abela qal: “Jien nappella f’kull inkjesta, kull proċess ġudizzjarju għall-ispeditezza. M’għandekx għax tkaxkar inti biex issir il-ġustizzja. Iktar ma ttawwal, iktar issir il-ħsara.”
Ara:
https://www.one.com.mt/2020/09/20/fawwissu-li-ghadda-kellna-zewg-terzi-inqas-wasliet-ta-immigranti-il-pm/