Somalu ta’ wieħed u għoxrin sena weħel multa’ ta’ mija u sittax-il ewro u ħames xhur ħabs meta ammetta li f’okkażjoni partikolari kien fis-sakra u m’obdiex ordnijiet tal-awtoritajiet taċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far.
Dan kollu waqt li kien fuq liberta proviżorja fuq każ ta’ serq. Abdiaziz Anis Abdulahi rrakkonta kif f’Awissu tal-elfejn u ħmisax ilmenta ma uffiċċjali tad-detenzjoni li kellu argument ma’ persuna partikolari waqt li kien fis-sakra.
L-Uffiċċjali keċċew lil persuna l-oħra, u eventwalment anke lill-akkużat wara li reġa’ ddisturbahom ftit tal-ħin wara. Kien ftit tal-ħin wara li żona fiċ-ċentru fejn kienu qed jorqdu xi residenti ħadet in-nar, u l-akkużat instab jiċċassa lejn il-ħuġġieġa.
Dan insista li ma kienx hu li ta n-nar, anzi pprova jitfiħ. Il-Qorti qalet li ma kienx hemm prova ta’ x’wassal għan-nar, u faċilment seta daħal ħaddieħor fiċ-ċentru, li mhux sigur minn kullimkien, bħal ma reġa’ daħal l-akkużat.
Għalhekk Abdulahi kien ordnat iħallas mija u sittax-il ewro emendi talli kien fis-sakra u ntbagħat ħames xhur ħabs għaliex wettaq dan kollu fuq liberta proviżjora fuq reat ieħor.