Jimale Hassan Abdullah, Somalu ta’ 35 sena mill-Ħamrun inżamm arrestat wara li ġie mixli li pprova jisraq minn ħanut tal-merċa fil-Ħamrun stess.
Il-każ seħħ is-Sibt għall-ħabta tas-sebgħa ta’ filgħodu, x’ħin l-allegat aggessur prova jisraq ħames mitt ewro fi flus kontanti li kien hemm taħt il-cash register.
Hassan Abdullah, inqabad minn impjegat, kif wrew ukoll il-filmati elevati mill-kameras tas-sigurtà. Il-Prosekuzzjoni qalet li l-impjegat flimkien ma’ kollega tiegħu żammew lill-akkużat milli joħroġ mill-ħanut sakemm fuq il-post waslu u assistew il-Pulizija li arrestaw lill-imputat.
L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, fost l-oħrajn li anke kien riċediv. It-talba li saret għall-ħelsien mill-arrest kienet oġġezzjonata mill-Prosekuzzjoni għar-raġuni primarja li hemm il-biża’ li l-imputat jaħrab mill-pajjiż hekk kif m’għandux indirizz fiss. Dan apparti li l-fedina penali tiegħu ukoll turi li m’huwiex affidabbli.
Għaldaqstant, il-Maġistrat Ian Farrugia, wara li sema’ t-trattazzjoni tad-difiża, ċaħad it-talba tagħha hekk kif innota li l-imputat m’għandux rabtiet ma’ pajjiżna, fost raġunijiet oħra.