Abdu Ali Jama, Somalu ta’ 34 sena residenti fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far ġie kkundannar tnejn u għoxrin xahar ħabs b’rabta ma’ traffikar ta’ droga.
Fil-Qorti nstema’ kif is-Somalu, li mhux l-ewwel darba li tela’ l-Qorti b’rabta mad-droga, fejn fost l-oħrajn prova jbigħ id-droga lill-pulizija f’Paceville.
Huwa ġie mixli li fl-20 ta’ Lulju tal-2021 u t-tliet xhur ta’ qabel ittrafika diversi sustanzi fosthom kannabis, kokaina, MDMA u ecstacy.
Kien mixli ukoll li hedded raġel barrani u seraqlu l-mobile, għex ħajja ta’ għażż u kiser il-paċi pubblika.
L-imputat ammetta li kien jittraffika d-droga sabiex ikun jista’ jsostni l-vizzju tiegħu imma qal li kien waqaf wara li kien ħareġ mill-ħabsa b’rabta ma’ reati preċedenti.
Il-Maġistrat Josette Demicoli qalet li dak li qal l-imputat ma ġiex pruvat u b’hekk sabitu ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.
Huwa ġie mmultat ukoll elf u tliet mitt ewro filwaqt li tpoġġa taħt ordni ta’ probation għal sentejn.