Investigazzjonijiet tal-Pulizija tad-Distrett tal-Ħamrun wasslu biex fl-aħħar sigħat ġew solvuti numru ta’ serqiet li twettqu fl-2015. Wara jiem ta’ analiżi forensiċi, il-Pulizija waslet għall-persuna li allegatament wettqet dawn is-serqiet, raġel mill-Mali ta’ 24 sena.
Mill-investigazzjonijiet illi saru rriżulta li l-allegat ħalliel wettaq ħames serqiet minn residenzi privati.
Dawn seħħew matul il-lejl ta’ bejn il-5 u s-6 ta’ Dicembru, 2015, fis-Swieqi; fit-8 ta’ Diċembru, 2015, fl-Imsida; fit-13 ta’ Diċembru, 2015, fil-Gżira; fil-lejl ta’ bejn is-16 u s-17 ta’ Diċembru, 2015, f’Birkirkara; u serqa oħra matul il-lejl ta’ bejn l-20 u l-21 ta’ Diċembru, 2015, f’Santa Venera.
Ir-raġel ta’ 24 sena se jitressaq il-Qorti illum, fl-10:00 ta’ filgħodu, quddiem il-Maġistrat Dr Claire Stafrace Zammit.