L-ewwel jum ta’ sena ġdida beda b’aħbar xejn feliċi.
“It-tlieta u nofs ta’ filgħodu. Sparatura li ħasdet mhux biss il-ħemda tal-ewwel jum tas-sena, iżda wkoll il-ħajja ta’ Eric Borg, żagħżugħ ta’ 27 sena mir-Rabat stess. Fuq il-post, diversi sezzjonijiet differenti fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, flimkien ma’ tim forensiku u anke tim tal-Maġistrat tal-Għassa. Minn hemm bdiet tfittxija għall-aggressur.”
“Sagħtejn wara, għal ħabta tal-ħamsa u kwart ta’ waranofsinhar, Noel Azzopardi jidħol fl-Għassa tar-Rabat. Hawn hu jagħti ruħu b’idejh lill-Pulizija.”
Jumejn wara, Noel Azzopardi jitressaq il-Qorti, fejn iwieġeb mhux ħati għall-akkużi li qatel lil Eric Borg fl-Ewwel Jum tas-Sena.
Fil-Qorti kien intqal li l-vittma kien ġie intimidat minn Noel Azzopardi, li kellu għalqa viċin tiegħu. Mal-Pulizija, Azzopardi qal li r-raġuni wara d-delitt kienet għax il-vittma kien qallu biex ma jdejqux f’xogħlu, għax kien se jpattihielu.
Meta l-Pulizija staqsiet lil missier il-vittma jekk kienx hemm xi nkwiet bejn iż-żewġ partijiet, missier Eric indika lil Azzopardi minħabba xi problemi dwar l-għelieqi. Żied li, meta l-Pulizija stħarrġet aktar dwar kwistjonijiet ta’ artijiet jew inkwiet bejn iż-żewġ familji, ma rriżultalha xejn f’dan ir-rigward.
Tqajmet ukoll il-kwistjoni marbuta mal-istat ta’ saħħa li kien jinsab fiha l-akkużat, bi tliet psikjatri jiddikjaraw li Noel Azzopardi jbati minn mard mentali serju u minn diffikultajiet intellettwali.
“Sandra Ramirez. Kolumbjana ta’ tlieta u erbgħin sena tinqatel b’sitta u għoxrin daqqa ta’ sikkina f’kamra tas-sodda f’appartament li kienet qed tgħix fih f’Tas-Sliema.”
“L-allegat aggressur, Kolumbjan ta’ tlieta u erbgħin sena, għall-ħabta tas-sitta u kwart jidħol fl-Għassa ta’ warajja u jagħti ruħu b’idejh. Mimli bid-demm, hu jgħid li kien qatel persuna.”
L-għada, hu jitressaq il-Qorti fejn iwieġeb mhux ħati li qatel lill-eks-sieħba tiegħu.
Jintqal ukoll li r-relazzjoni bejn il-vittma u l-eks sieħeb tagħha marret għall-agħar minn meta din bdiet relazzjoni ma’ raġel ieħor.
Jesmond Gatt ta’ 54 sena, pazjent fit-Taqsima Forensika tal-Isptar Monte Carmeli, jinsab f’għadira demm. Wara ġimagħtejn rikoverat fl-Isptar Mater Dei hu jmut fl-ewwel t’Awwissu.
Vuk Milic, Serb ta’ 22 sena, jammetti ma’ uffiċjal mediku, li kien qatel lil Gatt, kiesaħ u biered, wara li dan sofra ġrieħi f’rasu. Inizjalment, dan il-każ ma kienx qed jiġi meqjus bħala omiċidju, hekk kif kollox kien qed jindika li r-raġel waqa’ u ħabat rasu.
Ftit jiem wara, is-Serb jitressaq il-Qorti fejn wieġeb mhux ħati li qatel lil Gatt.
“Kien proprju hawnhekk fis-Swatar, fejn Nicolette Ghirxi ta’ 48 sena, nstabet bla ħajja wiċċha ’l fuq fl-appartament tagħha stess. Mill-awtopsja jirriżulta li hi mietet b’daqqiet ta’ sikkina f’għonqha.”
Iżda dan il-każ ma jiqafx hawn.
“Hawnhekk, f’San Ġiljan, jinqatel l-eks-sieħeb u allegat qattiel ta’ Nicolette Ghirxi, l-Irlandiż, Edward William Johnston, wara li huwa ħoloq kjass f’lukanda fil-viċinanzi, u ma riedx iċedi l-armi, meta fil-preżenza tal-Pulizija, b’kawża li dawn jisparawlu diversi tiri.”
L-aħħar delitt tas-sena.
“Żewġ minorenni jagħmlu sejba ta’ bagalja fil-baħar f’Tas-Sliema u jtellgħuha fuq paddle boat. Aktar tard fil-bagalja jinstab katavru mqatta’ ta’ Kolumbjan, b’diżabilità, li kien liebes biss ħarqa tal-adulti. Mill-awtopsja, jirriżulta li hu miet fgat, b’101 kapsoli kokaina fl-istonku u li tqatta’ wara mewtu.”
Hekk kif żvela dan l-istazzjon, waħda mill-persuni mixlija b’konnessjoni ma’ dan ir-reat, xtrat mannara u bagalja mill-istess ħanut f’San Ġwann. Sussegwentement, fil-bagalja, fejn instab il-vittma, tinstab l-irċevuta.
Ftit jiem wara jitressqu l-Qorti Kolumbjan ta’ 43 sena, li huwa meqjus bħala s-suspettat ewlieni, u Portugiż ta’ 39 sena, li wieġbu mhux ħatja u baqgħu jinżammu arrestati.
F’dan l-istadju, l-Pulizija, qed tixlihom biss b’akkużi relatati ma’ din is-sejba u mhux b’akkużi t’omiċidju.
Mill-awtopsja jirriżulta li l-vittma miet fgat.