Il-pulizija solviet serqa kbira ta’ settijiet ta’ arja kundizzjonata ġodda minn maħżen ta’ kumpanija privata li jinsab fiż-Żona Industrijali f’Tal-Ħandaq, fil-limiti ta’ Ħal Qormi.
Suspettati li huma involuti f’dan il-każ hemm tmien irġiel li jgħoddu bejn il-35 sena u d-disgħa u ħamsin sena.
Il-pulizija qalet li fis-sittax ta’ Diċembru li għadda, il-pulizija kienet infurmata minn kumpanija li sabet xi settijiet tal-arja kundizzjonata neqsin.
Wara aktar investigazzjonijiet li saru fil-ġimgħat ta’ wara, instab li b’kollox insterqu mad-900 sett, li l-valur tagħhom jammontaw għal madwar €300,000.
Minn investigazzjoni li saret jirriżulta li s-settijiet allegatament insterqu fuq medda ta’ 9 xhur.
Minn tfittxijiet li saru f’diversi residenzi, garaxxijiet u mħażen oħra, ġew irkuprati mat-800 sett misruq.