Bħala kandidata għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, Marija Sara Vella Gafà tenniet li qed tisma’ dak li jgħidu n-nies u tara x’soluzzjonijiet jistgħu jinstabu.
“Fost l-affarijiet li l-aktar li qed jinkwetaw lin-nies hemm is-servizz li qed jingħataw mill-banek. Proprju għalhekk li ltqajt mal-Assoċjazzjoni tal-Bankiera Maltin (MBA) u ddiskutiejt kwistjonijiet urġenti f’dan is-settur. Matul il-laqgħa, l-MBA ammettew li l-banek qed jiffaċċjaw problemi serji li qed jaffettwaw lill-klijenti tagħhom direttament,” tenniet Vella Gafà.
Hi kompliet tgħid li flimkien iddiskutew il-fatt li l-banek qed iżidu t-tariffi tagħhom, iżda l-kljenti qed isibuha aktar diffiċli biex jaċċessaw is-servizzi meħtieġa b’mod effiċjenti. Din iż-żieda fil-prezzijiet qed tiġi meqjusa bħala miżura li tipprijoritizza l-profitt fuq il-bżonnijiet tal-klijenti, b’entitajiet kummerċjali li qed jinsew ir-rwol soċjali tagħhom.
Min-naħa l-oħra, l-MBA qajmet il-punt li l-banek qed jesperjenzaw nuqqas ta’ ħaddiema fil-fergħat tagħhom.
“Filwaqt li nifhem din ir-realtà, hi sitwazzjoni li tista’ tiġi indirizzata. Qed nipproponi żewġ soluzzjonijiet possibbli: l-ewwel, l-aġġornament tas-sistemi teknoloġiċi fil-banek biex jissimplifikaw u jtejbu l-interazzjoni mal-klijenti. It-tieni, neħtieġu tisħiħ fl-edukazzjoni u fit-taħriġ fis-settur bankarju biex jattira aktar nies lejn dan il-qasam,” kompliet il-kandidata Laburista għall-Parlament Ewropew.
Hi qalet li se tibqa’ tenfasizza l-importanza ta’ bilanċ bejn il-profittabbiltà u l-ħtieġa li l-banek jibqgħu sensittivi u responsabbli lejn il-bżonnijiet tal-klijenti tagħhom, biex verament iservu l-komunità kif suppost.
“L-għan tiegħi hu li nsaħħaħ il-qasam bankarju biex ikun aktar inklussiv u effiċjenti, u għalhekk biħsiebni nibqa’ nsegwi dan is-suġġett mill-qrib biex nipproponi soluzzjonijiet. Ma rridux ninsew l-impatt psikoloġiku li problemi finanzjarji jistgħu jkollhom fuq l-individwi. Stħarriġ riċenti mill-Università ta’ Malta wera li 17% tan-nies jesperjenzaw stress kbir u trawmi minħabba problemi finanzjarji,” saħqet Vella Gafà, waqt li qalet li, fil-laqgħa mal-MBA, enfasizzat il-punt li istituzzjonijiet ewlenin fis-settur finanzjarju għandhom rwol kruċjali wkoll fl-indirizzar tal-istress.
Marija Sara Vella Gafà temmet tgħid li, meta nitkellmu dwar is-saħħa mentali, irridu niffokaw fuq il-prevenzjoni permezz ta’ azzjonijiet konkreti.
“Jekk il-banek isiru aktar konxji tar-responsabiltajiet soċjali fl-operat tagħhom, ikunu qed inaqqsu l-piż emozzjonali li ħafna qed iġorru. Wara kollox, kulħadd ħaqqu sens ta’ sigurtà u stabilità finanzjarja. Kulħadd ħaqqu rispett fil-ġestjoni ta’ flusu stess,” temmet tgħid il-kandidata Laburista.