Minn studju li sar dwar l-effett tal-pandemija fuq is-suq tal-kirjiet privati ħareġ li tliet kwarti tas-sidien tal-proprjetajiet tal-kera għażlu minn jeddhom li jnaqqsu l-kera lill-inkwilini.
Minn studju li sar mill-Ministeru u mill-Awtorità tad-Djar dwar is-suq tal-kera ħareġ li 80% tas-sidien intervistati qalu li se jkompli jinvestu fis-settur tal-kiri privati.
Filwaqt li 75% tal-inkwilini li talbu lis-sidien tal-proprjetà għal xi tnaqqis jew għajnuna oħra matul il-pandemija ġew mgħejjuna mis-sidien.
Il-Ministru Galdes stqarr: “Li hemm sħubija bejn is-sidien u anke l-inkwilini u din il-pandemija wrietha wkoll permezz ta’ deċiżjonijiet li ħadu ħafna mis-sidien madwar 75% tagħhom li ddeċidew li jnaqqsu l-kera għal dan il-perjodu.”
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni soċjali Roderick Galdes ħabbar ukoll li twaqqaf panel ta’ arbitraġġ fi ħdan l-Awtorità tad-Djar biex isolvu tilwim żgħir bejn is-sidien u l-familji fil-kera li l-valur tagħhom ma jaqbiżx il-ħames t’elef ewro.
It-tilwim jista’ jkun marbut ma’ manutenzjoni fost oħrajn.
Is-Sur Carlos Bugeja, iċ-Chairperson tal-pabel tal-arbitraġġ spjega: “Qed nitkellmu fuq kwistjonijiet bħal depożiti, tiswijiet, kwistjonijiet oħra bħal kontijiet tad-dawl u l-ilma bejn il-partijiet.”
Dan il-panel kompost minn professjonisti fis-settur se jkun aċċessibbli għal kulħadd u se jagħti soluzzjoni immedjata liż-żewġ partijiet fi żmien ħamest ijiem.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Leonid McKay sostna:“Qed nikkomettu wkoll li l-panel t’arbitraġġ jieħu d-deċiżjonijiet spediti u allura qed ngħidu li within five working days ħa jkun hemm deċiżjoni min-naħa ta’ dan il-panel. Qegħdin naraw ukoll li kull deċiżjoni u l-partijiet jistgħu jaraw dak kollox li jkunu ssottomettew online.”
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Roderick Galdes qal li dan il-panel se jkun qiegħed joffri rimedju aċċessibbli u effiċjenti li se jkompli jipprofessjonalizza dan is-suq.
Qal li fl-ewwel erba’ xhur mil-liġi tal-kera, ġew irreġistrati għaxar t’elef kuntratt mal-Awtorità tad-djar.
Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid Mckay fisser it-twaqqif ta’ dan il-panel bħala kapitlu ġdid fir-riforma fil-liġi tal-kera.
Dawk li għandhom il-kuntratt tal-kirja reġistrat mal-Awtorità tad-Djar jistgħu jirreġistraw it-tilwima tagħhom fuq rentregistration.gov.mt.