Waqt il-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli tkellmet dwar l-importanza li l-migrazzjoni tiġi diskussa fil-Kunsill Ewropew ta’ Marzu li ġej. Il-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tlaqqa’ fost l-oħrajn biex jipprepara għal din il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew li se tiddiskuti s-suq uniku, is-suq uniku diġitali, l-iżvilupp sostenibbli u l-kummerċ. Dwar il-kummerċ, il-mexxejja se jippreparaw għal-laqgħa li se ssir aktar tard din is-sena bejn l-UE u ċ-Ċina.
F’wieħed mill-interventi tagħha, il-Ministru Dalli qalet li l-isfida tal-migrazzjoni tibqa’ materja importanti ħafna għall-Unjoni Ewropea speċjalment meta resqin lejn ix-xhur tas-sajf u jeżisti l-periklu li jkun hemm aktar imwiet fl-ibħra li jmissu mal-Unjoni Ewropea. F’dan l-isfond, Dr Dalli spjegat li biex l-Unjoni tkun konsistenti jeħtieġ li l-impenn politiku biex jiġu salvati l-ħajjiet jiġi msarraf fi sforz mill-istati membri biex jintlaħaq ftehim fuq il-pakkett ta’ miżuri dwar il-politika komuni tal-ażil. Dan tal-aħħar għandu jassigura li l-piż ta’ dawn l-influssi ma jinġarrx mill-pajjiżi tal-fruntiera tal-UE.
Dr Dalli saħqet li ma jistax ikun hemm progress fuq dan is-suġġett jekk din it-tema ma tkunx diskussa.
Il-Ministru Dalli tkellmet ukoll fuq id-diżinformazzjoni b’mod partikolari dik online u l-bżonn li l-elezzjonijiet Ewropej ikunu protetti minn periklu li jirriżulta mill-propaganda qarrieqa. Faħħret ix-xogħol li l-Kummissjoni Ewropea qed tagħmel f’dan ir-rigward filwaqt li qalet li l-pajjiżi membri għandhom ikomplu jaħdmu flimkien ħalli jitwassal il-messaġġ liċ-ċittadini Ewropej.
Il-Kunsill iddiskuta wkoll il-Qafas Finanzjarju Multiannwali għas-snin 2021-2027 u xogħol li għad irid isir dwaru sa Ġunju li ġej. Il-Ministru Dalli reġgħet tenniet li għandu jsir sforz biex jintlaħaq ftehim sa Ottubru li ġej biex il-programmi pjanati jkunu jistgħu jibdew fil-ħin u ma jkunx hemm dewmien fil-proġetti ffinzanzjati mill-UE.
Dwar l-aġenda tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali kien hemm ukoll diskussjoni dwar is-saltna tad-dritt fil-Polonja u fl-Ungerija.