L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia, f’ismu u dak tal-Kamra tad-Deputati, esprima solidarjetà mal-Ispeaker tal-Gran Assemblea Nazzjonali tat-Turkija, wara l-mewt traġika ta’ mijiet ta’ nies ikkawżata mit-terremot li laqat in-Nofsinhar tat-Turkija.
Mijiet mietu u mijiet oħra huma midruba wara li terremot kbir laqat ix-Xlokk tat-Turkija, qrib il-fruntiera mas-Sirja.
Skont stqarrijiet minn uffiċjali fit-Turkija u s-Sirja, hemm aktar minn 500 persuna mejta, iżda dan l-ammont x’aktarx li jiżdied. L-awtoritajiet Torok iddikjaraw stat ta’ emerġenza fil-provinċji milquta u qed iħeġġu lin-nies biex ma jużawx il-mowbajls, ħalli jippermettu lill-ħaddiema tas-salvataġġ jikkoordinaw bla xkiel. Bħalissa hija ġirja kontra l-ħin biex isalvaw nies maqbuda taħt it-terrapien, wara li ġġarrfu mijiet ta’ binjiet, kemm fir-Turkija kif ukoll fis-Sirja.
Miljuni ta’ nies fit-Turkija, is-Sirja, il-Libanu, Ċipru u l-Iżrael ħassew it-terremot, li kellu epiċentru qrib il-belt Torka ta’ Gaziantep.