Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana kkundannat bla riserva l-attakk brutali li seħħ fl-aħħar sigħat f’dar tal-persuni b’diżabilità qrib Tokjo fil-Ġappun.
“Filwaqt li madwar id-dinja, inkluż pajjiżna, qed isir kull sforz biex tittejjeb il-ħajja ta’ dawn il-persuni, din l-aħbar hija kaġun ta’ tħassib u ta’ niket.”
F’isem il-Gvern Malti, is-Segretarju Parlamentari wriet is-sogħba għall-vittmi u solidarjetà mal-qraba tagħhom u l-ħaddiema li jaħdmu b’tant dedikazzjoni fil-qasam tad-diżabilità. Awgurat fejqan ta’ malajr lil dawk feruti bit-tama li tikber il-kuxjenza favur soċjetà aktar inklussiva u ġusta.
“Ġrajjiet ta’ niket bħal dawn iħeġġuna naħdmu aktar biex, filwaqt li nuru għożża u ħarsien għal dawn il-persuni, ninsistu b’aktar kuraġġ biex tkompli tinbidel il-mentalità madwar id-dinja kollha favur aktar għarfien tad-diversità u inklussività,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari.