Kumpanija Maltija hija waħda minn tmienja biss fid-dinja li toffri software speċjalizzat li jgħin lill-kumpaniji tal-avjazzjoni jiffrankaw spejjeż żejda li jammontaw f’miljuni ta’ ewro.
Il-Kumpanija Megabyte qalet dan waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn tħabbar ftehim mal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ sabiex il-kumpanija tingħata għajnuna sabiex tespandi barra mill-pajjiż.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kumpanija Antoine Bartolo spjega l-użu tal-programm ALMIRA. Programm li għen lil-linja nazzjonali tal-ajru, l-AirMalta tnaqqas minn spejjeż żejda operattivi sabiex terġa’ lura fuq saqajha wara snin sħaħ taħdem bit-telf.
Is-Sur Bartolo fisser: “Dan kien proġett li aħna oriġnarjament bdejna mal-AirMalta kellhom bżonn software speċifiku ħalli huma jibdew inaqqsu t-telf operattiv tagħhom u jaraw fejn għandhom losses żgħar u jibdew jaqtgħuhom bilmod il-mod.”
Spjega kif l-użu ta’ dan is-software għamlu tajjeb minnu wkoll ġganti fis-settur tal-avjazzjoni bħall-linja tal-ajru ETIHAD Airways.
“Fl-ewwel sena tad-deployment tal-prodott meta inti tinstallaħ tiffranka sa’ 5% jiġifieri meta qed nitkellmu fuq kumpaniji bħall-ETIHAD li għandhom budgets ta’ biljun 5% huwa ammont sostanzjali”, sostna s-Sur Bartolo.
Preżenti għal din il-konferenza, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela qal li permezz tal-prijorità li qed tagħti lill-Promozzjoni tal-Kummerċ, Malta qed tbiddel ir-relazzjonijiet politiċi f’dawk kummerċjali.
Dan billi taħdem flimkien ma’ intrapriżi Maltin li qed ifittxu fruntieri ġodda għall-kummerċ, fil-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ negozju internazzjonali.
Il-Ministru Abela stqarr: “Aħna bħala Gvern qegħdin hawn biex niffaċilitaw dan il-proċess jiġifieri jkollok kumpaniji anke minħabba d-daqs tagħhom li forsi jippruvaw jagħmlu dan peró jaqtgħu qalbhom u allura aħna qegħdin hemmek bħala Ministeru u kif ukoll bħala Trade Malta li ngħinuhom kemm jista’ jkun.”
Fir-rigward tas-suq Afrikan, il-Ministru Abela nnota li f’konformità mal-viżjoni tal-Unjoni Ewropea, Malta qed tħares lejn it-tisħiħ tar-relazzjonijiet kummerċjali ma’ dan il-kontinent billi tikkunsidrah bħala sieħeb kummerċjali strateġiku.