Kumpanija lokali tagħti lok li toħloq l-istil u l-forma ta’ lampa skont il-gosti tiegħek permezz ta’ software online innovattiv.
Din hija l-aħħar innovazzjoni mill-kumpanija Altern; fejn permezz tar-riċerka u l-innovazzjoni qed jinħolqu ideat ġodda.
Permezz ta’ investiment fir-riċerka ġew investiti aktar minn nofs miljun ewro fi żvilupp ta’ dwal LED immanifatturati lokalment u ddisinjati speċifikament għas-settur tal-isport.
Kif ukoll ġie maħluq software innovattiv online bl-isem ta’ shapelamp.com li hu iffinanzjat mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija.
Dan il-proġett ġie deskritt bħala eżempju ċar ta’ innovazzjoni fl-aqwa tiegħu.
Waqt żjara fl-uffiċini ta’ Abertax fil-Mosta Technopark, il-Ministru għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici tenna kif din il-kumpanija, li ilha mwaqqfa 28 sena minn grupp Ġermaniż, għarfet il-potenzjal ta’ Malta fl-iżvilupp modern.
Qal kif, “Ġejna nżuru din il-fergħa Maltija li n-nies jafuha bħala l-Abertax u fiha wkoll sezzjoni speċjalizzata fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni fejn dawn jinnovaw u jagħmlu r-riċerka f’oqsma li jolqtu l-ħajja ta’ kuljum. Pereżempju l-elettriku u l-enerġija. Hemm diversi proġetti illi saru anke b’fondi tal-MCST u dan huwa xi ħaġa importanti ħafna għax hekk qed nsaħħu ekosistema robusta ta’ innovazzjoni.”
Din il-kumpanija kienet strumentali fl-introduzzjoni tat-Teknoloġija Solari, flimkien mat-trasport elettriku għal Malta fejn ntroduċiet il-vetturi elettriċi f’pajjiżna lura fl-2003.
Fl-aħħar tliet snin, saħansitra l-kumpanija wettqet programm ta’ investiment ta’ €3 miljun biex tkun tista’ tilħaq l-irkejjen tas-suq Internazzjonali u żżid is-saħħa tax-xogħol tagħha.
Abertax bħalissa timpjega mija sitta u sittin persuna f’Kordin u fil-Mosta. B’tlieta u għoxrin persuna oħra qed jaħdmu full-time f’kumpanija separata li tinsab f’Għawdex.