B’investiment ta’ aktar minn 1,500,000 ewro, il-Korp tal-Pulizija u d-Dwana se jkomplu jsaħħu l-ġlieda tagħhom kontra l-kriminalità b’xiri ta’ software ġdid li jaħżen f’post wieħed l-informazzjoni li tinġabar minn entitajiet differenti.
Din l-għodda teknoloġika bl-isem ‘I2′ se tara li intelliġenza tinħażen f’post wieħed sabiex tiffaċilità x-xogħol tal-forzi tal-ordni fil-ġlieda tagħha kontra atti ta’ korruzzjoni, ħasil ta’ flus u reati ekonomiċi.
Il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia qal li dan il-programm jintuża minn bosta pajjiżi Ewropej u jiffaċilità l-ġbir ta’ informazzjoni li tista’ tkun kruċjali biex jittieħdu passi kriminali kontra persuni li jwettqu reati ekonomiċi.
Il-Ministru Michael Farrugia qal: “Jiffaċilità allura l-investigazzjonijiet li jkunu qiegħdin isiru u anke l-analiżi tal-krimini u l-persuni nvoluti fil-kriminalitá u allura l-ħajja tal-pulizija tkun iktar faċli biex jaslu għall-konklużjonijiet u barra minn hekk ikunu qiegħdin jiġġieldu wkoll u jipprevenu l-kriminalitá milli ssir.”
Is-Segretarju Parlamentari, Aaron Farrugia qal li “L-proġett ta’ Malta kkompeta u ntgħażel mill-uffiċċju Ewropew ta’ kontra l-fordi l-OLAF.
Is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia qal: “Il-proġett intgħażel mill-programm ‘Hercules 3’ illi huma fondi diretti mal-Kummissjoni Ewropea. Dak ifisser li Malta tkun qed tikkompeti ma pajjiżi oħra, ma’ 27 membru stat. Biex l-aqwa proġett jintgħażel u l-fondi jmorru għalih.”
Il-Ministru Farrugia saħaq li l-korp tal-pulizija se jkompli jintroduċi sistemi ġodda sabiex iħarrax il-ġlieda tiegħu kontra l-kriminalità.
Qal li hemm il-ħsieb li tiddaħħal sistema ta’ kameras sabiex jinqabdu karozzi u pjanċi misruqa, filwaqt li jkunu jistgħu jiġbru l-intelliġenza mit-toroq.