Skont l-aħħar stħarriġ Ewropew dwar id-dħul u l-kundizzjonijiet tal-għajxien, ibbażat fuq eżerċizzju kontinwu tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, il-Maltin urew sodisfazzjon qawwi fil-livell tal-ħajja inġenerali u x-xogħol.
L-istħarriġ, magħruf bħala EU-SILC, jiġbor għadd ta’ indikaturi relatati mas-saħħa inġenerali u l-ġid tan-nies fʼMalta u Għawdex.
Minn punteġġ massimu ta’ għaxra, li jirrappreżenta l-akbar sodisfazzjon, kien irrapportat punteġġ ta’ 7.7 dwar l-impjieg attwali tagħhom, filwaqt li kien ukoll irrapportat punteġġ ta’ 7.4 b’rabta mal-ħajja inġenerali. Ma’ dan, kien irrapportat 8.6 fost dawk li wieġbu dwar ir-relazzjonijiet personali mal-familja u l-ħbieb.
Minn dan, aktar minn sitta u sebgħin fil-mija tal-persuni raw is-saħħa ġenerali tagħhom bħala waħda tajba.