“Huwa ta’ sodisfazzjon kbir li għandi l-opportunità nkompli ntejjeb dan it-teżor nazzjonali, dik li hija l-Università ta’ Malta.”
Hekk stqarr il-professur Alfred Vella f’intervista ma’ ONE News ftit jiem wara li reġa’ ġie elett sabiex jmexxi l-Università fil-ħames snin li ġejjin. Hawn spjegalna wħud mill-għanijiet tiegħu.
Huwa qalilna: “Hija mira ewlenija tagħna li nżidu n-numru ta’ international students fuq il-Campus għaliex jagħmel ġid għall-istudenti Maltin, jagħmel ġid għall-Università, li tiġi Università kosmopolita u mhux pronvinċjali, waħda li meta tkun fiha qisek sifirt għaliex tiltaqa’ ma’ nies barranin.”
Viżjoni prinċipali oħra hi li l-Università tkompli tkun minn ta’ quddiem fir-riċerka, anke peremzz ta’ aktar faċilitajiet f’binjiet li se jitlestew dalwaqt.
Il-Professur Alfred Vella stqarr: “Meta inti għandek Università waħda f’pajjiż illi għandu ħafna ħtiġijiet, trid tibqa’ tgħallem. Ma tistax tgħid jien ħa noqgħod nagħmel ir-riċerka u t-tagħlim … isir minn fejn? It-tagħlim u r-riċerka f’din l-Università jridu jibqgħu kważi ras imb ras u għall-futur din hija l-viżjoni.”
Mistoqsi dwar x’jagħmel lill-Universitá ta’ Malta waħda fost l-aqwa istituzzjonijiet globalment, il-Professur Vella qal hekk: “L-istudent to staff ratio għall-Università ta’ Malta huwa ta’ ħdax, ħdax punt żero. Ħdax punt żero hija figura eċċellenti, meta tħares pereżempju lejn l-Universitá ta’ Cambridge, hekk għandhom l-istess.”
Filwaqt li l-Professur Vella stqarr kif issa jħares ‘il quddiem sabiex jara l-istudenti jirritornaw lura fuq il-Campus, spjega kif il-mod tajjeb li bih qed jingħata t-tagħlim, wera kif hemm opportunità sabiex studenti part-time li jkunu jaħdmu, jitnaqssilhom l-ħin li jkollhom iqattgħu l-Università grazzi għal xi lezzjonijiet online.
Huwa tenna: “Jiena kuntent ngħid li dawn l-istudenti tal-Evening Programme żdiedu f’ħames snin b’10% u nippretendi li għandhom ikomplu jiżdiedu għaliex huwa student apprezzat ħafna mill-Università. Dak illi jiġi minn fuq il-bank tax-xogħol u mhux direttament mill-iskola.
Għall-Professur Vella, l-Università hija teżor nazzjonali li tforni lill-pajjiżna bil-professjonisti u akkademiċi li jkomplu jarrikku lill-pajjiżna kulturalment. Qal kif dan il-fatt ikompli jtih sodisfazzjon kbir u determinazzjoni sabiex ikompli l-ħidma tiegħu sabiex l-Università taċċella u żżid il-livell.
Huwa temm: “Forsi din il-ħeġġa li nkompli ngħin għal ftit snin oħra lil din l-Università tibqa’ fuq quddiem nett għall-bżonnijiet ta’ pajjiżi hija dik li żżommni għaddej.”