Permezz ta’ stqarrija l-Forum Żgħażagħ Laburisti esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li daħal fis-seħħ ir-roħs fil-miżati tal-eżamijiet tal-MATSEC. Roħs sostanzjali meta dawn it-tariffi naqsu bin-nofs.
Dan skont kif imwiegħed fil-baġit li tħabbar ix-xahar li għadda. Biex wara ftit ġimgħat biss li dan il-baġit tħabbar, eluf ta’ studenti diġa’ qed igawdu b’mod dirett. Infakkru li dan hu baġit storiku għax ma ra ebda taxxi ġodda jew żidiet f’taxxi u għax huwa l-ewwel wieħed li sar b’surplus f’ħafna snin.
L-FŻL qal li din hi miżura li sa issa daħlet biss l-ewwel parti tagħha. Inħarsu ‘l quddiem biex dawn it-tariffi jispiċċaw għal kollox f’miżura oħra bla preċedent minn Gvern Laburista favur l-edukazzjoni. Għax huwa sabiħ li anke l-istudenti qed igawdu mis-surplus.
Filwaqt li bħalissa barra minn Malta hemm studenti li qed jiddejnu biex ikollhom edukazzjoni xierqa, Malta mhux talli ħadd ma jiddejjen, talli l-istipendju qed jiżdied sena wara sena fl-istess ħin li l-istudenti jonqsulhom il-piżijiet.
Fl-istess ħin il-Forum Żgħażagħ Laburisti laqa’ bi pjaċir il-ftehim bejn il-Gvern u l-MUT li se jwassal għall-pakkett finanzjarju aqwa għall-edukaturi tagħna. Din kienet waħda mill-proposti mressqa l’quddiem mill-Forum Żgħażagħ Laburisti fil-kampanja elettorali ta’ din is-sena.