Fi tmiem ġimgħa li rat il-ftuħ mill-ġdid tal-ħwienet mhux essenzjali f’pajjiżna, il-ħaddiema u x-xerrejja jinsabu sodisfatti bl-andament fl-aħħar jiem.
ONE News żar kumpless tax-xiri u xi negozji f’Tas-Sliema, fejn bosta ħatfu l-opportunità biex joħorġu u jagħmlu x-xirja tagħhom mill-ħwienet, wara ġimgħat jordnaw online.
Spikka s-sentiment li l-ftuħ mill-ġdied ta’ ċertu ħwienet ifisser pass eqreb lejn in-normalità.
Fil-ħwienet sibna wkoll l-impjegati, li kienu ħerqana li reġgħu lura għar-rutina biex jaqdu lill-klijenti.
Kien hemm ukoll min innota d-differenza fl-atmosfera fit-toroq mindu l-ħwienet reġgħu fetħu.
Il-ftuħ mill-ġdid tal-ħwienet mhux essenzjali hija waħda minn sensiela ta’ miżuri li ġew rilaxxati fl-aħħar jiem fil-pjan meqjus tal-Gvern, bil-għan li filwaqt li tkun protetta s-saħħa ta’ kulħadd, tingħata spinta lill-ekonomija biex ir-rota terġa’ tibda ddur.