“Sodisfazzjon.” Hekk iddeskriva ma’ ONE News ir-riżultat storiku ta’ Team Malta waqt id-dsatax-il edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa, li sar f’pajjiżna, il-President tal-Kumitat Olimpiku Malti, Julian Pace Bonello.
“Ovvjament, sodifazzjon enormi, jiġifieri. Ħdimna xi tliet snin, issa, kuljum, biex nippreparaw kemm l-atleti min-naħa teknika u kemm, ovvjament, min-naħa tal-loġistika.”
Għall-ewwel darba mill-1985 ’l hawn, kemm ilu jiġi organizzat dan il-Logħob, Malta mhux biss spiċċat fil-quċċata tal-klassifika tal-midalji, imma l-atleti rebħu rekord assolut ta’ midalji.
Fdin l-edizzjoni, pajjiżna rebaħ b’kollox 97 midalja, bi 38 midalja tad-deheb, 30 midalja tal-fidda, u 29 midalja tal-bronż.
Dan ifisser li Malta temmet dan il-Logħob b’rekord bla preċedent fir-rebħ tal-midalji, minn fost id-disa’ pajjiżi parteċipanti, mhux biss fin-numru ta’ midalji tad-deheb, imma wkoll fit-total ta’ midalji mirbuħa.
L-itjeb riżultati sa qabel din l-edizzjoni kienu fl-edizzjonijiet tal-2003 u tal-2011, meta pajjiżna kklassifika fir-raba’ post.
Kien hemm progress eċċezzjonali meta wieħed iqabbel il-midalji mirbuħa mill-Maltin f’din l-edizzjoni u dawk tal-1993 u l-2003. Fl-1993 ntrebħu 31 midalja, waqt li fl-2003 ntrebħu total ta’ 41 midalja.
Il-President tal-Kumitat Olimpiku Malti spjega, fost l-oħrajn, ix-xogħol u l-preparamenti li kien hemm biex seta’ jinkiseb dan ir-riżultat.
“Konna niltaqgħu mal-federations darba fix-xahar għal tliet snin sħaħ, jiġifieri biex ngħinuhom fil-preparazzjoni tal-atleti tagħhom biex imorru barra wkoll jittrenjaw u jkollhom aktar logħob kompetittiv.”
F’dan il-Logħob, Team Malta kiseb total ta’ 38 midalja tad-deheb, fosthom ħmistax fl-atletika, ħamsa fl-isquash, erba’ fl-għawm u t-table tennies, tlieta fit-tennis, fl-isparar u fl-ibburdjar, u waħda fil-judo.
Min-naħa tagħha, id-Direttur tal-Isport tal-Kumitat Olimpiku Malti, Charlene Attard, qalet li wara dan il-logħob issa se ssir analiżi ta’ dak li ġara.
“Bħalissa nanalizzaw ir-riżultati li ġibna. Kellna riżultati pożittivi u naraw x’mar tajjeb, x’seta’ mar aħjar, u minn hemm inkomplu naħdmu biex nirranġaw li seta’ mar aħjar.”
Hija qalet li l-atleti Maltin imisshom aktar kompetizzjonijiet barra minn xtutna, fosthom il-European Games, il-Commonwealth Youths, u anki, is-sena d-dieħla, l-Olimpjadi, li se jsiru f’Pariġi.
“Il-pjan huwa illi, bħal din is-sena, se nkomplu ninvestu fihom. Kif wegħidna l-Gvern, jekk ir-riżultati jiġu se jkompli jgħinna biex nemmnu fl-atleti li għandna. Illum, wara lbieraħ, urejna li meta tinvesti fl-atleti u fl-organizzazzjoni, ħarġu r-riżultati. Nemmnu li dan kien l-ewwel pass ’il quddiem biex inkomplu ntejbu l-isport fil-pajjiż tagħna.”