“Il-Gvern qed joffri soljev qawwi lid-dilettanti tan-nar u jgħin isaħħaħ il-festi Maltin.” Dan kien is-sentiment li qasam ma’ ONE NEWS dilettant tal-piroteknika f’pajjiżna fid-dawl tal-għajnuna li l-Gvern ser ikun qed jagħti fi ħlas għall-iskorti tan-nar. Fil-fatt il-kmamar tan-nar mhux se jkunu qed iħallsu għal spejjeż marbuta mal-iskorti għat-trasport tal-murtali.
Marlon Mangion, li jaħdem in-nar fil-kamra tan-nar taċ-ċintura tal-Gudja spjega kif il-Gvern mill-ewwel sema’ għat-talba tal-għajnuna li għamlu dwar il-piż li l-ispejjeż marbuta mal-iskorti tal-pulizija kienu ser jitfgħu fuq id-dilettanti tal-logħob tan-nar u l-festi Maltin.
Huwa qalilna: “Mal-ewwel sibna għajnuna u kellmuna biex nara x’għandna bżonn nagħmlu u x’l-aħjar li nagħmlu u issa ħriġna bis-soluzzjoni bis-saħħa tagħhom li jħallsulna l-ispejjeż kollha huma.”
Mangion spjega kif din hija għajnuna bżonjuża fiż-żmien fejn il-kmamar tan-nar huma limitati fil-modi li bihom jistgħu jagħmlu l-ġbir tas-soltu biex ikollhom il-fondi neċċessarji sabiex jaħdmu n-nar tal-festi. Spjega kif festa ġġib magħha spejjeż kbar u għalhekk għajnuna bħal din ser tkun kruċjali.
Huwa sostna: “Apparti l-ispejjeż tal-iskorti jkun hemm tal-fire engine, jkun hemm insurance, aħna biex nibdew il-festa għandna miżerjament elfejn ewro ‘insurance’ u permessi u nkunu għadna lanqas għamilna xejn, u fire engines, jiġifieri kull għajnuna f’dawn iż-żminijiet speċjalment tgħinna biex noħorġu mill-problemi li għandna ta’ flus.”
Spjega kif għalkemm is-sajf li għadda kien wieħed bla festi, hu flimkien mad-dilettanti l-oħra xorta waħda spiċċaw il-kamra tan-nar jaħdmu fuq ideat ġodda għal meta is-sitwazzjoni tippermetti li fl-irħula Maltin jirritorna l-briju u l-ispettaklu kkulurit marbut mal-festi tradizzjonali. Sadanittant id-dilettanti jibqgħu jittammaw li fil-futur qrib ikollhom l-opportunità jaħarqu xi erba’ murtali f’xi festival lokali.
Mangion tenna: “Aħna wara kollox dilettanti tan-nar jiġifieri jsiru jew ma jsirux il-festi hawnhekk naqgħu kull sena però dejjem nittamaw li forsi f’xi ħin naħarqu xi ħaġa. Anke forsi nistennew li jsiru xi festivals li jsiru ta’ kull sena, apparti l-festi, biex forsi nesebixxu xi ħaġa minn dak li għandna lest.”