Gvern Laburista ġdid se jkun qed iniedi skemi ta’ għajnuna lill-għaqdiet mużikali sabiex jagħmlu tibdil fl-operat tagħhom u anki għal xogħlijiet ta’ restawr fil-każini.
Din il-proposta, parti mill-elf proposta tal-Partit Laburista, ġiet milqugħa mill-Għaqda Każini tal-Banda.
Il-President ta’ din l-għaqda Dr Noel Camilleri spjega kif bħala għaqda għamlu proposti u issa sodisfatti li l-Partit Laburista qed jimpenja ruħu fuqhom u niżżilhom fil-manifest elettorali tiegħu.
Qal, “Il-proposta li ressaqna aħna u ġiet milqugħa kienet li dawk il-każini ħadmuh u l-każin akkwistawh il-Gvern qed jipproponi li joħloq fond nazzjonali biex anki li dawk il-każini, li llum il-ġurnata allavolja għandhom il-propjetajiet tagħhom jista’ jgħinhom ukoll biex ikomplu jiżvilluppaw u jtejjbu l-faċilitajiet tagħhom ġol-każin. U allura dak għalina huwa tajjeb li jfisser li mhux biss il-Gvern se jiftiehem biss ma’ wħud mill-każini, imma mal-każini kollha across the board.”
Din il-proposta tkompli mal-iskema tal-Gvern li jgħin l-għaqdiet mużikali billi ma jitilfux is-sede tagħhom minħabba kwistjonijiet tal-kirja.
Hawnhekk il-President tal-Għaqda Każini tal-Banda qal magħna kif proposta oħra li ġiet milqugħa hija dik li t-tagħlim tal-bandisti jkun rikonoxxut.
Spjega, “Il-każini tagħna, l-iskejjel tal-mużika tagħna li huma ġo kull każin ikollhom rikonoxximent formali mill-Ministeru għall-Edukazzjoni. Allura kull min jitgħallem hemmhekk ikun jista’ jippreżenta ċ-ċertifikati li jservuh għal futur tagħhom. Allura dan huwa proġett utli u aħna nħossu li bil-kollaborazzjoni tal-każini kollha, kif ukoll tal-iskola tal-mużika u anki permezz tal-istituzzjonijiet terzjarji nistgħu nifirxu aktar l-imħabba lejn il-mużika u hekk wkoll ikollna t-talent li jkun jista’ jixpruna u jitla’ aktar ‘il fuq.”
Apparti dan, Gvern Laburista se jkun qed jaħdem biex jirrikonoxxi l-festi bħala parti milll-wirt kulturali tal-UNESCO.
Camilleri tkellem magħna wkoll kif il-manifest elettorali tal-Partit Laburista jirrikonoxxi s-settur tal-volontarjat.
Qal, “Il-proposti li ġew imressqa fil-manifest elettorali se jixprunaw u se jagħti aktar rikoxxoniment tal-ħidma kbira li ssir mill-eluf ta’ volontiera f’diversi oqsma tal-volontarjat favur il-komunitajiet u allura aħna nħossu li anki dawn il-proposti li saru u li ġew milqugħa se jrendu tajjeb u jkun ta’ ġid u ta’ fejda għas-settur kollu.”