Id-Direttur tal-Europol Rob Wainwright esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-aħbar t’arrest ta’ għaxar persuni b’rabta mal-qtil tal-blogger Daphne Caruana Galizia.
Fuq twitter, id-Direttur tal-Pulizija Internazzjonali Ewropea esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-għajnuna li ngħatat f’din l-investigazzjoni importanti.Kien għaxart’ijiem wara l-qtil brutali fil-Bidnija meta waslu Malta tliet uffiċjali mill-Europol biex jassistu lill-Pulizija fl-investigazzjonijiet.
B’esperjenza kbira fil-qasam ta’ reati kriminali, l-Ingliż Wainwright ilu f’din il-kariga minn April tal-elfejn u disgħa, iżda qabel kien diġà jaħdem mal-istess Europol, u għal xi snin kien anki l-Kap tal-British Europol National Unit f’Londra.
Illum il-ġurnata qiegħed fit-tmun t’aġenzija Ewropea li għandha fi ħdanha tmien mitt uffiċjal li jgħinu awtoritajiet fit-tmienja u għoxrin Stat Membru tal-Unjoni Ewropea fejn jidħol l-infurzar tal-liġi u l-kriminalità organizzata.
We are pleased to have helped this important investigation @Europol https://t.co/GWyrHuHgHP
— Rob Wainwright (@rwainwright67) December 4, 2017