Fi Stqarrija, l-organizzazzjoni Xellugija Żminijietna esprimiet sodisfazzjon għall-politika tal-Gvern fil-ġlieda kontra l-faqar. Qalu li l-istatistika Nazzjonali dwar il-faqar tikkonferma li l-politika tal-Gvern fil-qasam ekonomiku u soċjali qed twassal għar-riżultati tajbin biex finalment jiġi miġġieled il-faqar, kemm għal dak li hu dħul kapitali u d-diversi miżuri soċjali. Mill-banda l-oħra qalu li jridu iktar ħidma kontra l-prekarjat u fis-settur tal-housing.
“Għalhekk, qed nitolbu ‘l Gvern biex iżid b’mod statutorju l-paga minima nazzjonali sabiex jonqos in-numru ta’ ħaddiema f’riskju ta’ faqar. Il-Gvern għandu wkoll jilleġisla sabiex jindirizza x-xogħol prekarju li qed iwassal għall-insigurtà fl-impjieg u pagi li jibqgħu relattivament baxxi,” qalet Żminijietna. . “Il-prijorità tal-Gvern li jiżviluppa proġetti ta’ ‘akkomodazzjoni soċjali’ hija pass fid-direzzjoni t-tajba,” qalet Żminijietna li tenniet li trid ukoll suq tal-kera fejn ikunu regolati l-prezzijiet.
“Fil-qasam tal-pensjonijiet, il-politika tal-Gvern li jżid il-pensjoni minima nazzjonali qed twassal biex aktar pensjonanti jgħixu stil ta’ ħajja diċenti. Inħeġġu l-Gvern biex ir-riforma fil-qasam tal-pensjonijiet tkompli tkun imsejsa fuq tisħiħ tal-istat soċjali,” temmet tgħid Żminijietna.