Ninsab sodisfatt li mal-mejda konna fost l-aktar pajjiżi li għandhom tkabbir ekonomiku u tkabbir fl-impjiegi.
Hekk saħaq il-Prim Ministru Joseph Muscat waqt li kien qed jindirizza lill-media hekk kif bħalissa jinsab fi Brussell għas-Summit tal-Mexxejja Ewropej.
Dwar il-kwistjoni ta’ Brexit, il-Prim Ministru semma kif minkejja li ż-żewġ partijiet qegħdin jinsistu fuq l-interessi tagħhom, jidher li d-diskussjonijiet qed ikunu xprunati mis-sens komun.
Joseph Muscat semma kif kwalunkwe ftehim li għandu jsir mar-Renju Unit, għandu jsir f’sens sħiħ ta’ rispett lejn il-liġijiet Ewropej. B’rabta mal-kunċett ta’ taxxa diġitali, l-Prim Minitru Joseph Muscat qal li jeħtieġ li jkun hemm differenza ċara bejn dak li għandu x’jaqsam ma’ ekonomija diġitali u ekonomija mhux diġitali.
Żied jgħid li minkejja li hemm lok għal aktar diskussjonijiet, jeħtieġ li l-Unjoni Ewropea titlob lill-Istati Uniti sabiex dawn tal-aħħar ma joħolqux barrieri ta’ kummerċ, u fl-istess waqt għandu jkun hemm konsistenza.