Il-Prim Ministru spjega kif ried lil Cyrus Engerer fi Brussell, filwaqt li qal li hu sodisfatt bl-għazla li għamel li jappunta lil Engerer bħala r-rappreżentant tiegħu fl-istituzzjonijiet Ewropej. Dr. Muscat spjega kif ix-xogħol ta’ Cyrus fil-Parlament Ewropew kien wieħed delikat immens. Xogħol li kien qiegħed isir minn wara l-kwinti mas-751 Membru Parlamentari Ewropew, waqt li ħaddieħor kien qiegħed jagħmel ħsara lill-pajjiżna.
Engerer tkellem dwar ix-xogħol li sar minnu u mit-tim li kien imexxi fi Brussell waqt il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
“Ħadd ma jħammeġ lil Malta u ma jsibx lilna niqfulu fil-Parlament Ewropew” qal Engerer.
Hu spjega kif din mhix kwistjoni ta’ politika partiġġjana. Mhix kwistjoni tal-aħmar jew il-blu. “Aħna Maltin li nħobbu lil pajjiżna. Kull meta nkunu f’istituzzjoni multi-nazzjonali, irridu naraw li l-interess ta’ pajjiżna u taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin jiġu l-ewwel u qabel kollox”, tenna Cyrus Engerer.
Engerer sostna li dan huwa ċ-ċans tagħna biex nagħtu l-ikbar rebħa elettorali fl-istorja ta’ pajjiżna. “Ejjew ma niħdux l-affarijiet for granted. Naf li mal-iktar ċans żgħir li nistgħu nagħtu lil tal-Partit Nazzjonalista, il-mibgħeda li għandhom lejna terġa’ taqqgħadhom.”
Engerer saħaq li ma għandnix inħallu lil min ibeżżana. “Bħal ma bżajtux meta għeddukom bl-infern, tibżawx l-anqas illum meta jbeżżawkom b’affarijiet oħra. Nhar is-Sibt noħorġu nivvutaw. U din ir-rebħa jkun kisibha il-Prim Ministru Joseph Muscat.” ikkonkluda Engerer.