Tmintax-il soċjetà mużikali ser ikomplu bil-vjaġġ tagħhom biex isiru iktar aċċessibbli għall-membri u l-pubbliku permezz ta’ għajnuna finanzjarja.
Dan bħala parti minn skema ta’ mitt elf ewro li tnediet f’Ġunju li għadda mill-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja
Fost dawk li gawdew minn din l-iskema kien hemm soċjetà Għawdxija li b’kollox għandna tliet proġetti ta’ aċċessibilità, waħda minnhom immirata lejn il-membri li huma neqsin mid-dawl.
Qal, “Tkun xi ħaġa tajba li dawn il-persuni jiġu included mal-voluntiera. Għaldaqstant ħa ngħaddu l-lirika mużikali kollha u ħa tiġi tradotta għal Braille.”
Soċjetà mużikali oħra ħejjiet pjanijiet biex tibni kamra speċjalizzata għal persuni fuq l-ispettru tal-awtiżmu.
Qal, “Qed naħsbu u b’dawn il-fondi li se nieħdu se nagħmlu multi-sensory li tkun aċċessibbli għalihom ħafna allura tagħmilha itkar faċli biex jitgħallmu.”
Hemm soċjetajiet oħra li se jagħmlu tibdil infrastrutturali permezz ta’ lift.
Spjega, “Qegħdin fil-proċess ta’ ristrutturazzjoni tas-sede tagħna tal-każin biex nagħmluh iżjed aċċessibbli għal persuni bi bżonnijiet speċjali. Aċċessibbli kemm minn barra għal ġewwa kif ukoll internament permezz tal-lift għas-sulari ta’ fuq.”
Il-Ministru għall-Inklużjoni Julia Farrugia Portelli rrimarkat li filwaqt din l-iskema turi biċ-ċar kif il-Gvern huwa determinat li jsaħħaħ il-prinċipju tal-aċċessibilità, turi wkoll apprezzament lejn dawn l-għaqdiet.
Qalet, “Qed nibgħatu messaġġ b’saħħtu li kulħadd irid jagħtu sehmu dan il-proġett jirnexxi u dan huwa mod ieħor kif aħna, soċjetajiet fl-irħula tagħna fosthom dawk tal-baned iridu jkunu jibgħatu dan il-messaġġ.”