Irrid li jkollna soċjetà li ma tħalli l-ebda individwu jsir agressiv u juża xi tip ta’ vjolenza fuq ħaddieħor. Soċjetà li qatt ma tittollera l-vjolenza domestika.
Kliem mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela f’artiklu fis-Sunday Times of Malta, jiem wara li ntemmet kampanja ta’ sittax-il jum biex titqajjem aktar kuxjenza dwar il-pjaga soċjali tal-vjolenza domestika.
Dr Abela qalet li filwaqt li ħafna jimmaġinaw li d-dar hija post ta’ refuġju, studji juru li ħafna mid-djar jistgħu jkunu postijiet fejn isseħħ il-vjolenza domestika.
Hawnhekk innotat kif il-pandemija ħarġet fid-deher dawn il-problemi, meta f’Marzu u April ġew irrapurtati madwar erba’ każijiet ta’ vjolenza domestika kuljum lill-Pulizija. Hija faħħret l-investimenti li qed isiru fi ħdan il-Korp favur il-vittmi.
Is-Sinjura Abela qalet kif matul il-kampanja hija emfasizzat fuq l-importanza li jkun hemm riżorsi adekwati biex tiġi studjata din it-tip ta’ vjolenza, li l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet jissimpatizzaw mal-vittmi u li jkun hemm fondi biżżejjed għas-servizzi ta’ sapport.
B’ton ta’ kuraġġ u tama kkonkludiet kif il-vittmi mhumiex waħedhom u l-pubbliku jrid jurihom sens ta’ mħabba.
Saħqet li kulħadd għandu jingħaqad f’forza waħda sabiex lil dawn il-vittmi tingħatalhom ħajjithom lura.