Fil-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili tal-Parlament Ewropew, Membri tal-Parlament Ewropew tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi opponew l-aħħar sforz li għamlet Roberta Metsola biex tħammeġ isem pajjiżna. Fl-aħħar jiem tela’ quddiem dan il-kumitat, rapport dwar il-midja fil-pajjiżi Ewropej.
Ir-rapport, li kien approvat b’maġġoranza b’saħħitha, jismu Media Pluralism and Media Freedom in the European Union u f’għexieren ta’ paġni ma kien jissemma ebda pajjiż. Sakemm fost oħrajn tfaċċa isem Malta f’emenda 111.
Però, Roberta Metsola ddeċidiet li ddaħħal isem pajjiżna f’dawl ikrah u bl-għan ukoll ikun li tkun tista’ ssir kampanja li Malta biss tissemma f’dan ir-rapport. Xi ħaġa li kienet inqabdet dwarha meta l-MEP tal-Partit Laburista, Miriam Dalli, kixfitha f’dibattitu f’Xarabank.
Meta l-emenda fuq Malta ġiet għall-vot din il-ġimgħa s-sitwazzjoni kienet dik fejn il-grupp li jagħmel parti minnu l-Partit Laburista ddefenda l-interess ta’ pajjiżna, filwaqt li grupp tal-Partit Nazzjonalista kien kontra pajjiżna.
L-emenda li daħħlet Metsola fir-rapport tgħid li għandu jkun hemm tħassib bil-livell ta’ ħelsien tal-midja f’Malta u l-MEP tal-PN qalet li din hi mhedda u r-rapport għandu jitkellem ukoll f’dan is-sens. L-iskuża biex isemmu lil Malta kienet il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Għalkemm la Roberta Metsola u l-ebda MEP mis-Slovakkja ma ddeċidew li jsemmu dan il-pajjiż anke jekk hemm inqatlu ġurnalist investigattiv u s-sieħba tiegħu. Bl-unika differenza tkun li filwaqt li fis-Slovakkja għadu ma nqabad ħadd, f’pajjiżna hemm tliet persuni mressqa l-qorti akkużati bil-qtil ta’ Caruana Galizia. Dan wara investigazzjonijiet bis-sehem ta’ esperti barranin.
Mitluba tikkummenta dwar din l-emenda, l-MEP tal-Partit Laburista, Miriam Dalli qalet: “Flok iħares kif nistgħu ntejbu s-sitwazzjoni tal-ġurnalisti fl-Unjoni Ewropea kollha kemm hi, il-Partit Nazzjonalista jaħtaf opportunità oħra biex iħammeġ isem Malta. L-ostakoli ġurnalistiċi mhumiex limitati għal pajjiz wieħed jew tnejn. Din mhix l-ewwel darba li l-MEPs tal-PN għamlu statements li mhuma se jagħmlu l-ebda ġid lil pajjiżna, iżda minflok iħammġu lil Malta. Il-poplu xeba’ minn din il-politika.”
Fil-fatt, Roberta Metsola u David Casa huma magħrufa għal kemm–il darba marru Brussell jippruvaw iġibu kundanna lejn Malta. Għalkemm ħafna drabi ma rnexxilhomx bil-Kummissjoni Ewropea tgħidilhom li saħansitra huma fl-iżball, it-tnejn li huma jippersistu fil-kampanja tagħhom li bdiet mal-mument li f’Malta nbidel il-gvern.