Issa li qbiżt is-57 sena sirt nirrifletti ferm aktar minn qatt qabel fuq dak li jkun qed jiġri madwarna. U waħda mill-mistoqsijiet li dejjem iduru fil-kuriduri ta’ moħħi- anke b’mod partikolari wara l-episodji drammatiċi tal-aħħar jiem- hija din.
Xi tfisser li tkun vera soċjalist?
U r-risposta tiegħi hi din li ġejja….kemmxejn twila iva…imma ħierġa mill-qalb.
Is-Soċjalist ta’ vera żgur li mhux opportunist. Mhuwiex dak li jitkaxkar mal-kurrent popolari fil-pajjiż u daqqa tarah ma’ naħa-għax ikun jaqbillu għall-interessi personali tiegħu (ta’ flus,ta’ karriera, ta’ prestiġju) u meta r-rota ddur jispiċċalek man-naħa l-oħra. U minn dawn hawn ħafna mas-saqajn. Dawn it-talin kollox jistgħu jissejħu minbarra soċjalisti.
Is-Soċjalist ta’ vera kollox jissapporti. Saħansitra l-umiljazzjoni li jsofri minn sħabu tas-suppost l-istess kulur politiku tiegħu. Imma għas-Soċjalist tal-qalb, il-partit jiġi l-ewwel u qabel kollox u ma jħalli l-ebda diżappunt personali jbiegħdu minn dik il-benniena li twieled u trabba fiha.
Soċjalist ta’ vera ma jħarisx lejn uċuh. Jemmen fil-ġustizzja soċjali, fl-inklużjoni totali u fi-diversita’ fis-soċjeta’. Jemmen fl-għajnuna li għandha tingħata lill-batut u lil min verament jistħoqqlu. Iħalli fil-liberta’ lil kulħadd jemmen dak li jrid, basta fl-ambitu tar-rispett uman bażiku u tar-rispett sħiħ lejn il-liġi tal-pajjiż. Jemmen fi djalogu seren, apert, sinċier.
Soċjalist ta’ vera jweġġa’ meta jara l-inġustizzji madwaru. Iweġġa’ wkoll meta jara li l-ambjent fiżiku u morali ta’ madwaru jitmermer.
Soċjalist ta’ vera jħossu hekk l-aktar meta jkun taħt attakk. Iħoss it-tbaqbiq soċjalista għaddej jiġri mill-vini tiegħu meta ħaddieħor jipprova jirridekolah. Anke minn membru tal-istess partit tiegħu. U jirrejaġixxi. Mhux billi jattakka lura bil-vjolenza jew bl-arroganza. Iżda bis-saħħa tal-argumenti u bl-aktar mod ċivili u demokratiku possibbli.
Is-Soċjalist ta’ vera żgur li mhux dak li jilgħabha ta’ soċjalist. Itaptaplek fuq spalltek. Jitbissmlek u jawguralek fid-dawl tax-xemx iżda waqt li joffri id ta’ ħbiberija, fl-id l-oħra jkollu stallett moħbi sabiex meta tiġi d-daqqa jwaħħalhielek. Dan żgur mhux soċjalist ta’ vera…u anke minn dawn hawn ħafna mas-saqajn u nagħmluhom allat u ngħolluhom fil-glorja tas-sema.
Soċjalist ta’ vera jħobb lill-pajjiżu u jiddefendih kul fejn imur u ma’ kull jitkellem jew jikkomunika. Iweġġa’ meta l-pajjiż jiġi mżeblah u lest jiddefendi lil art twelidu sal-aħħar nifs.
Imma fuq kollox Soċjalist ta’ vera jitwieled hekk. L-ebda persuna ma tista’ ssir soċjalista fil-laboratorju. Lanqas jekk tilbes ġlekk u ingravata.
Is-Soċjalist huwa unika: kburi, sensittiv, altruwist u ġenwin.
Le…is-soċjaliżmu għadu jferfer. Għadu ma mietx.