L-Erbgħa, ingħalqet il-fażi tal-gruppi waqt il-Kampjonat Ewropew tal-Juniors tas-Snooker ta’ taħt it-18-il sena li qed isir f’Antalya, t-Turkija. Jake Castaldi li fil-kategorija ta’ taħt is-16-il sena kien wasal mal-aħħar 16, ikkwalfika mill-gruppi u aktar tard issupera anke’ l-ewwel fażi tan-knock-out biex issa jinsab fost l-aħħar 32.
Wara li t-Tlieta, Jake Castaldi, miż-żewġ l-logħbiet li lagħab tilef waħda u rebaħ waħda, l-aħħar konfront tiegħu fil-gruppi ried jirbħu bilfors biex jikkwalifika anzi kien jiddependi ukoll li mir-riżultat bejn iż-żewġ kompetituri l-oħra fl-istess grupp. L-avversarju ta’ Jake fl-aħħar logħba tal-gruppi kien it-Taljan, Geremia Orsi li fetaħ b’mod eċċezzjonali peress li rebaħ l-ewwel żewġ frames. Minkejja dan, iż-żgħażugħ Malti ma qatax qalbu u b’determinazzjoni liema bħala dawwar ir-riżultat favurih u rebaħ tliet frames infila għal rebħa ta’ 3-2, bl-iskors tal-frames jispiċċaw; 59-70, 28-65, 65-22, 64-63, 59-9.
Jake Castaldi kien l-uniku kontestant Malti li għadda għat-tieni fażi u kellu jerġa jilgħab f’logħba li intlagħbet tard ħafna. Din kienet għal minn jikkwalifika mal-aħħar 32 kontra u l-avversarju tiegħu f’din il-fażi kien Mikayel Nersisyan tal-Armenja. Jake fetaħ tajjeb mill-ewwel u rebaħ l-ewwel żewġ frames iżda ż-żagħżugħ mill-Armenja momentarjament naqqas il-vantaġġ fit-tielet frame. Kien il-Malti li fir-raba’ frame reġa kien superjuri biex għalaq il-konfront 3-1, bl-iskors tal-frames jispiċċaw; 54-47, 71-41, 21-58, 73-32.
Illum Jake jerġa jilgħab kmieni fit-8 a.m. (ħin lokali) u din ser partita għal min jikkwalifika mal-aħħar 16. Huwa ser jiltaqa’ ma’ Tyler McCaffrey-Smith ta’ Wales li nhar it-Tlieta lagħab u rebaħ kontra huħ Chaylon f’logħba minn Grupp T. Smith spiċċa bħala r-rebbieħ ta’ dan il-grupp u qata’ passaġġ dirett fost l-aħħar 32.
Iż-żgħażagħ Maltin l-oħra fl-aħħar logħba tal-gruppi f’din il-kategorija dehru aktar kunfidenti u b’ħafna anqas pressjoni u bħalma ġara fil-kategorija ta’ taħt is-16-il sena kellhom riżultati sodisfaċenti. Fil-fatt f’dan l-aħħar jum tal-ewwel fażi Chaylon Castaldi kif ukoll Xavier Rizzo irreġistraw rebħiet konvinċenti ta’ 3-0. Chaylon Castaldi għeleb lil Will Taylor tal-Irlanda ta’ Fuq, 61-50, 74-8, 59-22 filwaqt li Xavier Rizzo rebaħ it-tielet logħba tiegħu kontra Ömer Can Biltir tat-Turkija, 43-38, 50-39, 84-21, wara li aktar kmieni kien tilef kontra Riley Powell ta’ Wales.
Iż-żewġ kontestanti l-oħra Maltin, minkejja li tilfu, xorta kellhom waqtiet pożittivi fil-logħbiet tagħhom. Caiden Casha kien verament viċin li jirbaħ il-logħba kontra Jack Taylor ta’ Wales fejn fir-raba’ frame meta kien 2-1 minn fuq, il-frame wasal għal ‘black to win’ b’Taylor ippottja l-aħħar żewġ kuluri u jirbaħ il-frame, b’punt biss vantaġġ, 36-37. Iż-żagħżugħ minn Wales rebaħ il-ħames frames ukoll biex eventwalment spiċċa rebbieħ.
L-iżgħar kontestant Malti, Gregory Cachia li għandu 12-il sena tilef iż-żewġ logħbiet tiegħu, l-ewwel kontra Sion Stuart ta’ Wales, 3-0, pero’ aktar tard kontra l-Finlandiż, Eino Vuoristo minkejja li tilef rebaħ l-ewwel frame tal-konfront għal riżultat aħħari ta’ 3-1. L-avventura ta’ Gregory f’din l-ewwel esperjenza tiegħu f’kompetizzjoni internazzjonali barra minn pajjiżna tintemm hawn peress li mhux ser ikun qed jikkontesta fil-kategorija ta’ taħt -il 21 sena li issa tibda nhar il-Gimgħa.