Nhar it-Tnejn ingħata bidu għall-Kampjonati Ewropej tal-Isnooker organizzati mill-European Billiards and Snooker Association. Dawn qed isiru f’Bucharest ir-Rumanija u jinkludu, il-Kampjonat Ewropew tas-6 Reds, il-Kampjonati tat-timijiet, dawk tan-nisa, irġiel u masters, Shootout, flimkien mal-kampjonati tan-nisa u masters.Malta qed tkun irrappreżentata minn Aaron Busuttil u Jason Peplow. Aaron Busuttil beda l-impenji tiegħu fil-kampjonati tas-6 red fejn fi grupp A rebaħ l-ewwel żewġ logħbiet 4-0 kontra Mario Paun tar-Rumanija u l-Olandiż Manon Melief. Ilbieraħ huwa lagħab kontra l-Ingliż Wayne Brown fejn ħareġ tellief 4-3. Busuttil jinsab jokkupa t-tieni post fil-grupp u reġa’ kien fl-azzjoni fl-4:30 ħin lokali fl-aħħar logħba tal-grupp kontra Muneer Abu Rokin tal-Iżrael.
Minbarra l-Kampjonati tas-6 Reds, Busuttil ser jikkompeti fix-shoot-out u fit-timijiet fejn ser jagħmel koppja ma’ Jason Peplow, li min-naħa tiegħu ser jieħu sehem fil-kampjonati tal-Masters.
Dawn il-kampjonati ser jiġu fi tmimhom fid-29 ta’ Ġunju.
Ir-referee Malti Ivan Brincat qed iservi bħala uffiċjal waqt dawn il-kampjonati.