Il-ħames jum tal-Kampjonat Ewropew tas-Snooker li qed isir it-Turkija, ifisser it-tmiem tal-avventura Maltija f’din l-edizzjoni wara li l-aħħar żewġ Maltin li kien fadal, Aaron Busuttil u Chris Peplow, it-tnejn ġew eliminati fil-fażi tal-aħħar 16.
Aaron Busuttil ġie eliminat mill-Ingliż, Ashley Hugill, ex-plejer professjonali li nqala mill-World Tour is-sena l-oħra. Huwa kien qaleb professjonali wara li rebaħ tour card għall-istaġuni 2017/18 u 2018/19 iżda wara dan il-perjodu kien ġie maqgħluh. Huwa ma tantx dam barra mill-World Tour peress li rebaħ tour card oħra wara li f’Malta spiċċa bħala r-rebbieħ tal-Kampjonat Open tal-World Snooker Federation tas-sena 2020.
Aaron Busuttil kellu bidu tajjeb u rebaħ l-ewwel frame iżda Ingliż, fit-tieni frame, għamel break ta’ 80 punt u mill-ewwel ġab id-draw. Busuttil reġa ħa l-vantaġġ pero’ Hugill wera l-esperjenza kbira tiegħu speċjalment fl-aħħar frame meta l-Malti kien 56-14 minn fuq. Il-Malti falla milli jippottja boċċa ħamra meta kien jonqos żewġ ħomor fuq il-mejda. Hugill bilfors ried jgħamel clearance biex jissupera l-vantaġġ li bena Busuttil iżda, b’boċċa wara boċċa, wettaq mini break ta’ 43 punt biex issupera lil Busuttil b’punt. Huwa rebaħ l-aħħar tliet frames u għalaq il-konfront, 4-2 (60-49, 0-80, 72-19, 33-80, 11-78 u 56-57).
Chris Peplow lagħab kontra tfajjel Pollakk ta’ 14-il sena, Michal Szubarczyk li b’dak li wera f’dawn l-aħħar ħmistax fit-Turkija, kollox jindika li jista’ jkollu futur brillanti f’dan l-isport. Il-ġimgħa li għaddiet matul il-kampjonat tal-Juniors huwa rebaħ żewġ finali, kemm dik ta’ taħt is-16-il-sena kif ukoll ta’ taħt is-18-il-sena filwaqt li wasal mal-aħħar 16 fil-kompetizzjoni taħt il-21-il-sena. Peplow, bħal Busuttil, kellu bidu tajjeb u rebaħ l-ewwel frame fejn anke’ wettaq break ta’ 51 punt iżda fil-frames l-oħra Szubarczyk ħa kull opportunita’ meta l-Malti naqas u rebaħ erba’ frames infila biex rebaħ, 4-1 (72-0, 36-69, 9-78, 54-58 u 47-91)
B’dawn iż-żewġ logħbiet Malta temmet impenji tagħha f’din l-edizzjoni. Aktar tard din is-sena l-European Snooker & Billiards Association torganizza l-Kampjonat Ewropew tal-Masters u dak tat-timijiet li huma ppjanti li jsiru fl-Albanija filwaqt li ħabbret ukoll li Spanja ser ikun qed tospita kampjonat tal-individwali tal-2026, simili għal dan organizzat f’Antalya, t-Turkija. Din l-edizzjoni tintemm is-Sibt biż-żewġ semi-finali u l-finali.
