Aaron Busuttil huwa ċ-Champion ta’ Malta tas-Snooker hekk kif fil-finali li saret il-Ġimgħa filgħaxija għeleb lil Brian Cini 6-5. Għal Busuttil din kienet l-ewwel darba li rebaħ dan it-titlu, filwaqt li Cini kien il-holder u anke qed jimmira li jirbaħ dan l-unur għall-ħames darba fil-karriera.
Il-finali saret fl-Akkademja tas-Snooker il-Ħamrun u kienet l-aħjar minn 11-il frame. Kienet finali sabiħa li rat lil Cini jibda tajjeb iżda Busuttil għaraf jirreagixxi u jdawwar ir-riżultat favur tiegħu.
Bidu tajjeb għal Cini li rebaħ l-ewwel 4 frames mingħajr risposta biex sal-intervall kien 4-0 minn fuq. Iżda malli kompla l-logħob, Busuttil wettaq reazjoni sabiħa tant li rebaħ tliet frames infila biex ġab l-iskor 4-3.
Brian Cini irrisponda nir-rebħ tal-frame ta’ wara għal 5-3. Iżda għal darb’oħra irrisponda tajjeb Aaron Busuttil meta rebaħ żewġ frames wara xulxin biex ġab l-iskor 5-5. B’hekk il-finali ġiet deċiża bl-aħħar frame li kien wieħed bilanċjat u emozjonanti. Finalment kien Aaron Busuttil li ħareġ rebbieħ biex sar champion ta’ Malta għall-ewwel darba fil-karriera.
Il-finali kienet ikkontrollata mir-referee Charles Vella.