Fi stqarrija, il-Partit Laburista nnota li, snin twal ta’ inkompetenza ekonomika tal-Partit Nazzjonalista, qiegħda twassal għal analiżi totalment żbaljata. Dan ġie nnotat wara stqarrija mill-Partit Nazzjonalista ffirmata mill-kelliema tiegħu Ivan Castillo, Albert Buttigieg u Beppe Fenech Adami, fejn qalu li l-Gvern ilu snin twal rasu fir-ramel.
Il-Partit Laburista stqarr li, fil-jum meta ħarġet l-aħbar li Moody’s irrimarkat kif Malta qed ittejjeb il-qagħda fiskali tagħha, fl-istess waqt li żżomm l-għajnuna lin-nies, l-Oppożizzjoni riedet toħroġ aħbar negattiva. Biex spiċċat uriet kemm fil-fatt ma tifhimx.
Il-Partit Laburista qal li l-kelliema tal-Oppożizzjoni sostnew li ċifri mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika jindikaw nuqqasijiet kbar min-naħa tal-Gvern, għax tindika li f’Novembru li għadda, pajjiżna rreġistra żbilanċ kummerċjali ta’ aktar minn mija, sebgħa u tmenin miljun ewro.
Intqal li kull min għandu ħjiel ta’ analiżi ekonomika jaf li hu normalissimu li pajjiżna jkollu żbilanċ kummerċjali fejn tidħol l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ prodotti.
Fil-fatt, fl-istorja kollha tiegħu, pajjiżna qatt ma rnexxielu, fl-ebda xahar, li jkollu esportazzjoni akbar mill-importazzjoni ta’ prodotti. Intqal li dan jista’ jkun ivverifikat minn siti kemm tal-Eurostat kif ukoll tal-Bank Ċentrali.
Il-Partit Laburista kompla li l-medja tal-iżbilanċ kummerċjali fix-xhur ta’ Novembru mill-elfejn u tlettax ’il hawn kienet ta’ aktar minn mija, erbgħa u tmenin miljun ewro (€184.1 miljun). B’dan ifisser li r-riżultat għal Novembru li għadda hu bħal tal-medja tal-għaxar snin ta’ qabel.
L-analiżi żbaljata tal-Oppożizzjoni toħroġ ukoll meta din tattribwixxi l-iżbilanċ kummerċjali ta’ Novembru għall-inċertezza fil-Baħar l-Aħmar. Dan meta din is-sitwazzjoni żviluppat xahar wara.
Il-Partit Laburista sostna li l-Partit Nazzjonalista, ma’ kull stqarrija li joħroġ, qiegħed dejjem aktar jikxef il-livell dilettantesk tal-kelliema li jappunta fuq materji ekonomiċi u finanzjarji.
F’din l-istqarrija, il-Partit Laburista temm jgħid li l-kriżi ta’ kompetenza tal-Oppożizzjoni qegħda tilħaq livelli inkwetanti ferm u, fl-interess nazzjonali, Bernard Grech għandu jwettaq bidliet fit-tim tiegħu fejn jidħlu dawn il-materji ferm importanti.